L-istħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li wera fiduċja b’saħħitha fil-Korp tal-Pulizija, huwa xhieda tal-ħidma sfiqa li qed issir mill-istess Korp favur it-tisħiħ tas-sigurtà u ż-żamma tal-ordni.
Fil-fatt ir-rapport juri kif il-kriminalità f’pajjiżna naqset b’ħamsa punt erbgħa fil-mija u b’hekk l-istrateġija tal-Korp, ta’ aktar preżenza fil-komunità, qed tkompli tipprevjeni l-kriminalità.
Dwar dan, ONE News tkellem mal-Ispettur Mark Cremona fi ħdan il-proġett tal-Pulizija fil-Komunità, li spjega kif dawn ir-riżultati huma frott il-viżjoni tal-Korp, li qed tingħata l-ħajja anki permezz tal-istrateġija ta’ trasformazzjoni tal-Korp li tnediet fl-elfejn u għoxrin.
“Qed nitfgħu l-komunitajiet tagħna fiċ-ċentru tal-operat tagħna. Il-Pulizija tal-Komunità bħala timijiet huma l-bażi ta’ dan kollu, u dan qed jgħin biex apparti li nkunu aktar effiċjenti fix-xogħol tagħna, nibnu dik ir-relazzjoni li eventwalment qed tissarraf f’relazzjoni tajba mal-pubbliku u fiduċja iktar b’saħħitha mill-pubbliku li qed ikollhom fina bħala Korp tal-Pulizija.”
Huwa stqarr li apparti minn hekk, riżultat ieħor tal-ħidma tal-Pulizija fil-Komunità, hemm Korp aktar speċjalizzat li jwassal biex il-pubbliku jħossu ferm aktar komdu biex jgħin lill-uffiċjali tal-Pulizija fix-xogħol tagħhom.
“Il-beat officer qed ikun speċjalizzat taħt il-kappa tal-Pulizija tal-Komunità, li mhux biss qed jibni r-relazzjoni bejn il-komunitajiet tagħna u l-Korp tal-Pulizija, imma qed jgħin biex ikun ta’ għajnuna lil dipartimenti speċjalizzati fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, għaliex fil-verità, dawn il-Pulizija qed ikunu l-għajnejn u l-widnejn tal-Korp. Dan qed isarraf billi qed naraw riżultati pożittivi, anke fejn jidħol ir-reati kif qed jiġu solvuti b’mod iktar effiċjenti.”
Dan l-istħarriġ ġie nnutat ukoll mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri, li fi stqarrija spjega kif dan l-istess stħarriġ mhux biss qed juri fiduċja għolja fil-Korp tal-Pulizija iżda jeħtieġ jittieħed fil-kuntest tar-rapport dwar il-kriminalità li ġie ppubblikat il-ġimgħa l-oħra mill-kriminologu l-Professur Saviour Formosa.
Il-Ministru fakkar kif il-proġett tal-Pulizija fil-Komunità ħalla l-frott u b’miżura tal-Budget għal din is-sena, dan il-proġett issa se jkun mifrux mal-pajjiż kollu.
L-NSO qal kif aktar minn disgħin fil-mija tal-pubbliku għandu fiduċja fil-Korp tal-Pulizija. Minn dawn, ħamsa u erbhħin fil-mija għandhom fiduċja għolja jew għolja ħafna, waqt li ħamsa u erbgħin fil-mija qalu li għandom fiduċja medja.