Kien proprju fis-sena 1946 meta fil-fond numru 60, Triq is-Sajjieda, l-Marsa, infetaħ klabb ġdid li ssemma’ Marsa Sports Club. Dakinhar tal-ftuħ tiegħu wara li ġie mbierek, P. Salv Scicluna, Franġiskan Kapuċċin, waqt li kien qed jagħti l-ewwel kolp fuq il-mejda tal-billiard il-ġdid ta’ din l-għaqda, huwa ħeġġeġ lill-membri preżenti billi qalilhom: “Hawn issa trid titwaqqaf il-Banda Trinità Qaddisa”. Dan il-kliem baqa’ jidwi fil-moħħ u l-qalb tal-membri kollha peżenti, sakemm wasal biex tlett snin wara, sar realtà.
Il-Banda Trinità Qaddisa twaqqfet sebgħin sena ilu, f’Ġunju tal-1949 u dik is-sena stess ħarġet iddoqq għall-ewwel darba fil-Festa tat-Trinità Qaddisa li saret nhar it-12 ta’ Ġunju 1949. Il-poplu Marsi kollu laqa’ bi ħġaru din il-banda l-ġdida u feraħ bil-kbir bl-inizjattiva li l-Marsa wkoll jkollha l-banda tagħha. Jirrakkonta min jiftakar dak il-jum u għadu ħaj sa llum li, minn kull fejn għaddiet il-banda ħlief kliem ta’ tifħir ma kienx hemm.
Il-marċijiet, li dik is-sena organizzat il-Banda Trinità Qaddisa għall-festa titulari, kienu mimlijin żgħażagħ u r-residenti kollha ħarġu biex jiċċelebraw dan l-avveniment hekk kbir. Il-bandisti kienu kważi kollha tal-post. Uħud minnhom għadhom ħajjin sa llum. Hemm minnhom li maż-żmien emigraw lejn l-Awstralja u pajjiżi oħra. Dawn il-bandisti kienu xtraw l-istrument li bih tgħallmu l-mużika u li ħarġu jdoqqu bih.
L-ewwel Surmast Direttur kien Antonio Zammit (1948-1956). Warajh kien hemm Joseph M. Barbara (1956-1977) l-istess surmast li kiteb il-mużika tal-Innu l-Kbir lit-Trinità Qaddisa, kif ukoll il-mużika tal-Innu Marċ tal-Banda Marsija. Warajh serva s-Surmast Kav. Abel J. Mizzi (1978-2002) segwiet minn Ugo Buhagiar (2002-2011), sakemm illum għandna lis-Surmast Kav. David J. Sammut 2011. Dawn is-surmastrijiet kollha għamlu ġieħ kbir lis-Soċjetà tagħna u waslu l-Banda tagħna fl-ogħla livelli li qatt tista’ tasal banda.
Il-Każin ta’ Triq is-Sajjieda kien l-ewwel wieħed li ntuża. Is-Soċjetà damet fih mill-1946 sa 1951. Wara ċċaqalqet u marret fi Triq is-Salib fejn damet hemm mill-1951 sal-1993. Issa l-Banda Trinità Qaddisa – Marsa għandha Każin fl-isbaħ pjazza tal-Marsa – fi Triq Lorenzo Balbi, proprju quddiem il-Knisja Parrokkjali. Din it-tielet dar infetħet fl-1993. Ħaġa li tagħti sodisfazzjon lill-Kumitat u lill-membri kollha tas-Soċjeta’ hija li każin huwa proprjetà tagħna.
Fis-Soċjeta’ tagħna barra l-Kumitat Ċentrali li huwa kompost minn ħdax-il membru, hemm jaħdmu diversi Kummissjonijiet. Dawn jinkludu l-Kummissjoni Trinitarji ffurmata miż-żgħażagħ, il-Kummissjoni Nisa, il-Kummissjoni Kultura, il-Kummissjoni Ġimgħa l-Kbira u l-Kummissjoni Banda. Kollha jaħdmu qatiegħ u b’ħeġġa kbira għall-ġid u fl-interess tas-Soċjetà tagħna.
Matul is-snin il-Banda tagħna tellgħet diversi kunċerti kemm fil-Marsa kif ukoll f’lokalitajiet oħra. Kienet mistiedna diversi drabi biex iddoqq f’festi diversi oħra. Oraganizzat diversi akkademji. Peress li hija l-unika Banda tal-Parroċċa Trinità Qaddisa – Marsa, allura hija responsabbli mill-marċijiet prinċipali kollha. Speċjalment dak tal-ħruġ tal-vara titulari, dak tal-Ġimgħa filgħaxija, il-kunċert vokali u strumentali fuq il-pjanċier, il-marċ tas-Sibt filgħaxija li jsir wara l-kunċert u l-marċ tradizzjonali u uniku tal-Ħadd filgħodu.
Fil-frattemp il-Ġimgħa filgħaxija ta’ kull sena, minn fuq il-bejt tal-każin tagħha, is-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa tagħmel spettaklu ta’ nar sinkronizzat mal-mużika u li f’Malta kollha huwa wieħed uniku. Biżżejjed insemmu li fl-2013 ħadet l-premju għall-aqwa nar sinkronizzat mal-mużika minn fuq bejt ta’ każin. Dan ikompli jimla’ lis-Soċjeta’ tagħna b’unuri li ma’ jitħassru qatt u li kull min għexhom huma mnaqqxa f’qalbu b’ittri tad-deheb.
Din is-sena wkoll, barra l-marċi li se torganizza l-Banda tagħna fil-jiem tal-Festa Titulari f’ġieħ it-Trinità Qaddisa, nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Ġunju, se jsir ‘Il-Marċ tal-Anniversarju’. Dan mhux biss se jkollu bosta sorpriżi iżda wkoll fi tmiemu, waqt id-daqq tal-Innu tal-Banda, se jsir il-kxif tal-proġett tal-frontispazju l-ġdid tal-faċċata tas-sede tas-Soċjetà.
Eżatt wara jingħata bidu għall-ispettaklu pirotekniku mill-Kummissjoni Trinitarji bl-isem ta’ “Dancing Colours in the Sky”. Dan l-ispettaklu se jkun kompost minn madwar 20 minuta kontinwi ta’ nar sinkronizzat flimkien ma’ dwal u wirja bil-laser minn fuq il-bejt tal-Każin.
Inħeggu lid-dilettanti kollha tal-festi f’Malta u Għawdex biex il-Ġimgħa, 14 ta’ Ġunju, ma jonqsux milli jattendu biex jaraw dan l-ispettaklu uniku u jkunu xhieda tal-ġmiel id-doni li Alla jagħti lill-bniedem.