F’Raħal Ġdid, illejla, se jkun qed jittella’ spettaklu speċjali tan-nar biswit il-Bażilika ta’ Kristu Re, fl-okkażjoni tal-festa li se tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd li ġej.
Dan l-ispettaklu se jinkludi, fost l-oħrajn, żewġt irdieden u tapit ġodda, flimkien ma’ nar sinkronizzat mal-mużika, li se jsegwu marċ brijjuż mis-Soċjetà Filarmonika Antoine de Paule u t-tlugħ fuq il-pedestall tal-istatwa ta’ Kristu Re.
Tkellimna ma’ Ryan Grima, assistent direttur tal-Kummissjoni Nar, li spjegalna kif ilhom żmien twil jaħdmu għal dan l-ispettaklu, b’sagrifiċċju kbar.
“Din is-sena ħdimna sena sħiħa, għamilna żewġt irdieden ġodda u tapit ġdid. Ħdimna ħafna għalihom biex ikollna xogħol sabiħ. Issa naraw, f’idejn Kristu Re.”
Ryan Grima – Assistent Dirttur Kummissjoni Nar
Hu żied jispjega dak kollu li se jsir mill-Banda Kristu Re llejla, b’elementi uniċi, bħal raddiena oriġinali li titħaddem b’LED, katina u tapiti tan-nar.
“Hawn raddiena oriġinali, qatt ma kien hawn bħalha, b’LED, bid-dawl, iddur kollha 360 degrees, u fiha ħafna xogħol u għandna katina oħra ġdida wkoll u tapit bil-funtani kollha tal-kulur.”
Ryan Grima – Assistent Dirttur Kummissjoni Nar