Jumejn ’il bogħod mill-festa tal-Għid tal-Assunta, One News żar il-Qrendi, fejn kien għadu kif tlesta l-armar ta’ struttura għolja 40 pied, bil-forma ta’ raddiena li mistennija tinxtegħel f’nofsillejl tas-Sibt, wara li jkun sar it-tlugħ tal-istatwa tal-Madonna fuq il-pedestall tal-Inkurunazzjoni.
Is-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija Qrendi se jtellgħu spettaklu awdjoviżiv li jinkludi nar sinkronizzat mal-mużika minn fuq il-bejt tas-sede tal-Banda Santa Marija tal-Qrendi.
Din l-istruttura tax-xorta tagħha, fuq bejt ta’ każin, hija innovazzjoni ġdida u qed issir għall-ewwel darba f’pajjiżna. Dan ix-xogħol ġie maħdum mill-Pirotekniċi voluntiera tal-Għaqda tan-nar Santa Marija tal-Qrendi.
Tkellimna mas-Sur Emilio Farrugia li huwa s-segretarju ta’ din is-soċjetà, fejn fost oħrajn kellimna dwar il-prekawzjonijiet li ttieħdu biex tinbena din l-istruttura li saħansitra ġiet iċċertifikata minn inġinier.
Qal, “Wara waqfa ta’ sentejn, bħala Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Qrendi, ħassejna li nerġgħu nirritornaw għan-normal bil-kbir, u għalhekk iddeċidejna li nagħmlu din l-istruttura li hija l-ewwel darba għal pajjiżna, li ħa tkun b’dan il-kobor, u ħa tinħaraq minn fuq bejt ta’ każin, li magħha se jkun qed jinkludu wkoll spettaklu ta’nar ieħor, li se jinħaraq illejla f’nofsilejl fuq il-bejt tal-Palazz Marija Assunta.”
Il-qofol jintlaħaq lejliet il-festa tat-tlugħ fis-sema ta’ Marija Santissima, fid-9.30 ta’ filgħaxija, bl-ispettaklu tan-nar tal-ajru u tal-art, bir-ritorn ta’ ‘The Conquest of Darkness’ fil-bypass tal-Qrendi.