L-istorja u l-kultura Ċiniża ħadu l-ħajja hekk kif nhar is-Sibt li għadda saret parata bil-kostumi tradizzjonali Hanfu fit-triqat tal-Belt. Organizzat miċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena Ċiniża, dan l-avveniment nissel l-entużjażmu kemm fil-parteċipanti u fin-nies li nzertaw il-Belt f’dak il-ħin.
Fl-isfond pittoresk tat-toroq ewlenin tal-Belt Valletta u tal-binjiet storiċi tagħha, tlieta u għoxrin mudell ta’ nazzjonalitajiet differenti, fosthom Malta, iċ-Ċina, il-Polonja, l-Ukrajna u l-Italja, libsu għażla stupenda ta’ kostumi eleganti Hanfu, li fihom iħaddnu sekli ta’ wirt kulturali u tradizzjoni Ċiniżi. L-ilbies ikkulurit tal-ħarir, irrakkmat b’sengħa mill-ifjen, kien xhieda ċara tar-rikkezza għanja tal-kultura Ċiniża.
Il-parata li seħħet fil-qalba tal-Belt Valletta, ħadet lill-pubbliku b’sorpriża. Ħafna waqfu milli kienu qed jagħmlu u ħarġu malajr il-mobiles sabiex jiffilmjaw u jieħdu ritratti ta’ din ix-xena mhux tas-soltu, ħerqana biex jaqsmu din l-esperjenza mal-ħbieb u l-familja.
“Dan l-avveniment jiċċelebra s-sbuħija tal-kultura u l-istorja taċ-Ċina,” qalet Yuan Yuan, Direttur taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta. “Ir-rispons kbir mill-pubbliku juri apprezzament ġenwin għat-tradizzjonijiet Ċiniżi u dan iħeġġiġna biex norganizzaw aktar avvenimenti.”
Il-parteċipanti esprimew il-ferħ tagħhom li kienu parti minn din iċ-ċelebrazzjoni tal-kultura Ċiniża. “Liebsa dan il-kostum tradizzjonali Hanfu ħassejt ċertu sens ta’ kburija u konnessjoni diretta mal-wirt kulturali Ċiniż,” stqarret Martina Vella. “Kienet esperjenza tassew unika li nilbes kostum awtentiku Ċiniż u nimxi bih matul it-toroq ta’ belti.”
Il-parata bil-kostumi Hanfu mhux biss serviet bħala spettaklu viżiv iżda wkoll bħala pjattaforma għall-iskambju u l-ftehim kulturali. Dan kien l-akbar avveniment relatat mal-kostumi Hanfu mit-tnedija tas-Soċjetà tal-Kostumi Hanfu taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Jannar li għadda.