Min-nhar il-Ħamis li ġej, wieħed jista’ jiġbor il-biljetti sabiex wieħed jattendi għall-ispettaklu tal-aħħar tas-sena fi Pjazza San Ġorġ.
Ħabbar dan iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, Jason Micallef waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn intqal li dawn il-biljetti huma limitati ħafna.
Dawn il-biljetti jistgħu jinkisbu mill-uffiċċju tal-aġenzija.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun waħda limitata, minħabba r-restrizzjonijiet b’rabta mal-imxija.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tixxandar ukoll fuq l-istazzjon ONE, sabiex dan l-ispettaklu jkun jista’ jitgawda fid-djar.
Intqal kif għal dan l-avveniment se jkun hemm diversi artisti lokali u magħhom se jingħaqad ukoll l-artist ta’ fama internazzjonali, John Newman.
Jason Micallef ħabbar ukoll kif barra dan se jkun hemm spettaklu tan-nar mat-tokki tas-sena l-ġdida fil-Port il-Kbir.
Qal kif dan se jibqa’ mmarkat fil-kalendarju annwali tal-Belt u l-Kottonera.
Qal, “Minn din is-sena se nkunu qegħdin nagħmlu appuntament annwali ta’ wirja kbira ta’ logħob tan-nar, mat-tokki ta’ nofsillejl fil-Port il-kbir. U hawnhekk nistieden lin-nies kollha tal-Kottonera u nies oħrajn illi bi prudenza, naf li hawn ħafna dilettanti tal-logħob tan-nar, ikunu jistgħu jsegwu u jilqgħu s-sena l-ġdida, permezz ta’ dan l-ispettaklu tal-logħob tan-nar minn madwar ix-xatt tal-Port il-Kbir f’nofsillejl.”
Jason Micallef qal kif dan l-avveniment huwa parti mill-kalendarju kulturali ta’ żmien il-festi fil-Belt Kapitali ta’ pajjiżna.
Qal kif ‘Christmas in the City’, li bdiet fl-aħħar ta’ Novembru se tkompli matul iż-żmien tal-festi.
Fisser kif din intlaqgħet sew, hekk kif bosta huma dawk li qed iżuru l-Belt f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.