Fir-raħal tal-Imqabba, li hu sinonimu mal-arti tal-piroteknika, fi tmiem din il-ġimgħa qed tiġi ċċelebrata l-festa ad unur il-Madonna tal-Ġilju.
Din is-sena qed jiġi organizzat spettaklu speċjali tal-logħob tan-nar, li ngħata l-isem ta’ ‘Symphony of Stars – Diamond Edition’, fl-okkażjoni tas-sittin anniversarju mit-twaqqif tal-kamra tan-nar tal-Għaqda tan-Nar Madonna tal-Ġilju.
Inżilna fl-għelieqi fejn se jkun qed jinħaraq in-nar fl-ispettaklu tas-Sibt bil-ħidma ma taqta’ xejn lejl u nhar minn diversi voluntieri u esperti pirotekniċi fi ħdan l-għaqda.
Kif spjegalna Wayne Falzon, Teżorier tal-Għaqda tan-Nar Madonna tal-Ġilju, dan l-ispettaklu piro-mużikali se jkun wieħed innovattiv fejn l-effetti tan-nar se jinħarqu b’mod tri-dimensjonali f’forma ta’ djamant, effett li qed isir għall-ewwel darba din is-sena.
Qalilna wkoll kif dan kollu se jkun qed jinħaraq fuq erbat elef metru kwadru ta’ art, minn madwar sittin posta differenti.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2024/06/14202803/WhatsApp-Image-2024-06-14-at-16.25.06-1-1024x768.jpeg)
“Ta’ min isemmi li din is-sena, l-Għaqda tan-Nar qed tiċċelebra s-60 sena mill-inawgurazzjoni u t-tberik tal-post tan-nar, fejn illejla stess, ftit sigħat ’il bogħod, ħa nkunu qed nassistu għal ħarqa tradizzjonali kif ukoll se nispiċċaw b’għeluq piro-mużikali. Hi xi ħaġa ġdida għall-Imqabba, qatt ma saret, u ħa nkunu qed nagħtu togħma żgħira ta’ dak li ħa jkun qed jiġri għada, is-Sibt, għal-lejlet il-festa.”
Dan l-ispettaklu se jkun imqassam fuq erba’ partijiet prinċipali, fejn fl-ewwel parti se tikkonsisti minn introduzzjoni sinkronizzata mal-mużika b’diversi effetti differenti ta’ nar kemm mill-art kif ukoll mill-ajru.
It-tieni parti se tkun ħarqa tradizzjonali ta’ diversi murtali tal-kulur, beraq pront u aktar, bit-tielet parti tkun il-qofol tas-serata, fejn se jkun qed jittella’ l-ispettaklu piro-mużikali.
Dan l-ispettaklu innovattiv ta’ madwar nofs siegħa, b’sitt siltiet ta’ mużika differenti mill-aħħar sittin sena, se jkollu ’l fuq minn tmint elef shot ta’ nar differenti, fosthom effetti ġodda.
Joseph Zammit, il-President tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju, ta ħarsa ħafifa ta’ kif se jkompli l-programm tal-festa.
“Għandna l-marċ tal-Ġimgħa magħrufin immensament għalih, illejla hemm ħafna innovazzjonijiet oriġinali wkoll u ovvjament għada lejlietha ħa jkun hawn shows li huma originali ħafna, tridimensjonali, li mhux ta’ min wieħed jitlifhom.”
Minbarra hekk, se tittella’ l-logħob tradizzjonali tan-nar tal-art, b’din il-wirja tikkonsisti f’nar tal-art mekkanizzat bl-użu ta’ ingranaġġi li joħolqu forom u disinji differenti, funtani tal-kulur b’diversi lwien u gran final b’żewġ tapiti kbar li se jagħlqu s-serata.
Dan l-ispettaklu s-Sibt fil-bypass prinċipali tal-Imqabba jibda mid-9.30 ta’ filgħaxija.