Spettaklu varjat u mżewwaq bl-aqwa talenti lokali u internazzjonali se jsellem lill-2020 u jagħti merħba lis-sena l-ġdida fil-Belt Valletta. Il-Valletta National New Year’s Eve 2021 Variety Show din id-darba se jixxandar b’mod dirett fuq tliet stazzjonijiet televiżivi ewlenin, inkluż l-istazzjon ONE, u se jieħu post l-avvenimenti tal-massa li s-soltu kienu jsiru fil-Belt lejliet l-Ewwel tas-Sena.
F’konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt, Jason Micallef spjega li l-Palace String Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Ryan Paul Abela se żżommilna kumpanija tul is-serata, grazzi wkoll għal uħud mill-aqwa mużiċisti Maltin. L-atturi familjari li s-soltu jpaxxuna bis-satira ‘Min Imissu’ wkoll se jkollhom sehem fl-ispettaklu.
Is-semifinalisti ta’ Britain’s Got Talent l-Ember Trio se jkunu qed jesegwixxu f’postijiet ikoniċi tal-Belt Valletta, fosthom fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u l-Kummidjant famuż Ingliż Michael McIntyre se jagħti sehmu.
“Kuntent ħafna li stazzjonijiet lokali tat-televiżjoni se jingħaqdu biex iwasslu spettaklu stupend mill-Forti Sant’ Iermu bejn l-10:00 pm u l-ewwel tas-Sena. Nemmnu li t-tokki ta’ 12:00 am se jkunu speċjali għaliex għandna wirja impressjonanti ħafna ta’ logħob tan-nar fil-Port il-Kbir.”
Il-Ministru Josè Herrera qal li dan hu l-mod kif bħall-bqija tal-pajjiżi madwar id-dinja, Malta adattat u xorta se tilqa’ sena ġdida b’tama anke minkejja ċ-ċirkostanzi li ġabet magħha l-imxija.
“Xorta nkunu lqajna sena ġdida, u organizzazjna affarijiet fil-belt stess li jeġgħu jiġġerenaw l-ekonomija, bħad-dwal tal-Milied u attrazzjoni bħall-presepju, biex xorta waħda nirriġeneraw l-ekonomija tal-Belt.”