Aktar minn 2500 ruħ attendew dak li probbabli kien l-akbar spettaklu teatrali tat-triq.
B’Tal-Linja Jaqbillek Żgur! kienet produzzjoni li daret il-ħames reġjuni ta’ Malta, dan kien l-ewwel proġett teatrali li ħadem bir-reġjuni minn mindu ġew uffiċjalizzati. Il-Kalkara, Birkirkara, Il-Mellieħa, Is-Siġġiewi u ż-Żebbuġ Għawdex kienu l-bliet u rħula fortunati. Dan seħħ bl-għajnuna tal-Regional Coordinators tal-Fondazzjoni Valletta 2018.
L-udjenza ħadet gost bil-kast, immexxi mill-attriċi u kantanta veterana Mary Rose Mallia, li taw spettaklu enerġetiku. L-iskript inkiteb minn Simon Bartolo fejn adatta l-pinna tiegħu għat-teatru tat-triq u s-surrealismu. L-iskript tratta wkoll temi soċjali oħra bħal-ambjent, il-lingwa, ir-reliġjon u l-politika. “Kienet esperjenza li ma jien se ninsa qatt” sostna Bartolo.
Sean Buhagiar li dderieġa dan l-ispettaklu, stqarr li għalih din kienet esperjenza emozzjonali, li jara l-udjenza tapprezza dan l-ispettakklu li għamlu viċin id-djar tagħhom. Huwa rringrazzja lill-Malta Arts Festival ta’ din l-opportunita’.
B’Tal-Linja Jaqbillek Żgur kien parti mill-Malta Arts Festival organizzat mil-Kunsill Malti għall-Arti. Dan il-proġett kien iffinanzjat ukoll minn FOPSIM permezz tal-proġett EU Collective plays! Li huwa iffinanzjat mill-programm Creative Europe tal-Unjoni Ewropeja.