Il-Valletta Pageant of the Seas ta’ din is-sena se jinvolvi mużiċisti minn orkestri Maltin u Taljani, li se jakkumpanjaw il-wirja artistika kif ukoll il-logħob tan-nar li se jimlew il-Port il-Kbir bl-ilwien.
Fil-fatt, il-Port se jkun imżejjen b’madwar 2,500 fjakkola akkumpanjati minn sitt sferi tan-nar li se jagħlqu dan l-ispettaklu fuq il-baħar u fuq l-art.
Dettalji dwar dan l-avveniment tant mistenni ngħataw minn dawk involuti f’din il-produzzjoni flimkien maċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef.
Huma fakkru li l-avveniment mhux biss se joffri spettaklu lil dawk kollha li se jaraw din il-wirja fil-Port il-Kbir iżda se jfakkar ukoll episodji mill-istorja ta’ pajjiżna.
Il-Konvoj ta’ Santa Marija li daħal fl-istess Port tmenin sena ilu fit-Tinei Gwerra Dinjija, se jkun fiċ-ċentru ta’ dan l-ispettaklu, li se jġib l-isem ‘It-Taqtigħa’. L-awtur ta’ ‘It-Taqtigħa’, Jean Pierre Magro li qasam il-ħsibijiet tiegħu magħna.
“Dak li għamilna fit-Tieni Gwerra Dinjija huwa ta’ importanza liema bħalha u hemm bżonn li nfakkruh. Issa, din is-sena hija t-tmenin sena mill-wasla tal-Konvoj u naħseb kienet xi ħaġa bix-xieraq li nagħmlu dan l-ispettaklu mdawwar ma’ din l-istorja.”
Id-Direttriċi Artistika Leanne Abela stqarret kif huwa ta’ importanza li wieħed mhux biss ifakkar l-istorja tiegħu imma jagħmilha b’tali mod li japprezzaha aktar.
“Importanti li nerġgħu, u nibqgħu, infakkruhom dawn l-affarijiet. Però, mhux infakkruhom b’mod dipressanti, infakkruhom b’mod illi huwa interessanti, illi huwa teatrali. Nerġgħu ngħaddu minn dik l-esperjenza però b’mod artistiku, mod illi viżwalment… pereżempju, x’ħin tara dawk il-projections fuq il-Forti Sant’Anġlu, ħa tissaħħar.”
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, fakkar kif din l-attività hija frott li ħalliet warajha l-Valletta 2018.
“Din hija attività li bdiet fl-2016. L-idea u l-ħsieb tagħna kien li mill-Port il-Kbir dejjem rajna teatru, u allura din l-isfida loġistika kbira li se nkunu qed inrodduha lura lill-pubbliku Malti s-Sibt li ġej hija xi ħaġa li aħna tagħmilna kburin bħala Maltin, f’dan il-port uniku li ma nużawhx biss b’mod industrijali imma nużawh ukoll b’mod artistiku ħafna, u dan huwa l-qofol tal-Valletta Pageant of the Seas.”
L-ispettaklu, li jsir kull sentejn, se jibda fit-tmienja ta’ filgħaxija tas-Sibt li ġej u mistenni jsaħħar il-Port il-Kbir għal madwar sagħtejn u nofs.
Saru wkoll arranġamenti mat-Trasport Pubbliku sabiex it-trasport jibqa’ għaddej sa wara li jintemm l-ispettaklu.