Il-Grupp tal-Armar 6 ta’ Diċembru, b’kollaborazzjoni mal-kunsill lokali tas-Siġġiewi, għal sena oħra qed jerġa’ jorganizza l-mixegħla annwali ta’ Ħamis ix-Xirka fi Pjazza San Nikola fis-Siġġiewi. Din se ssir għada l-Ħamis.
F’Ħamis ix-Xirka, hekk kif ix-xemx tistaħba wara s-Salib tal-Għolja għall-ħabta tas-7.30pm, il-Pjazza ewlenija tas-Siġġiewi tinbidel f’ħuġġieġa ta’ nirien tal-fjakkoli f’disinn uniku u artistiku.
Dan id-disinn, li tant ikun mistenni minn sena għall-oħra, se jkun fih ’il fuq minn 1,700 fjakkola.
Dawn il-fjakkoli kollha jkunu magħmula bl-idejn, individwalment, mill-membri volontiera tal-Grupp tal-Armar.
Maż-żmien, din il-mixegħla saret dejjem aktar sinonima mar-raħal tas-Siġġiewi u tibqa’ fost l-akbar fjakkolati b’disinn li jsiru fil-gżejjer Maltin.
Din il-mixegħla tinvolvi xhur twal ta’ ħidma li tibda minn kważi sena qabel.
Il-proċess twil ta’ ħidma u loġistika jibda billi jiġi deċiż id-disinn għas-sena ta’ wara, jiġi determinat l-għadd ta’ fjakkoli li jkun hemm bżonn biex issir il-mixegħla, u l-membri jmiddu jdejhom b’tant paċenzja fil-ħidma tal-fjakkoli u fl-oqsma kollha li jirrikjedi avveniment ta’ skala kbira bħal dan.
Matul is-snin is-Siġġiewi żviluppa f’destinazzjoni unika għal eluf ta’ Maltin u turisti f’Ħamis ix-Xirka, b’din il-mixegħla sservi taċ-ċentru għal dan il-lejl sublimi.
F’dan il-lejl qaddis u ta’ devozzjoni, is-Siġġiewi joffri esperjenza kompluta li tibda b’vista quddiem l-Altar tar-Repożizzjoni fil-Knisja Arċipretali. Wara ssir din il-mixegħla artistika li twasslek għal diversi wirjiet fil-pjazza u l-madwar marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa.
Ma jonqosx ukoll is-Salib tal-Għolja, li wkoll ikun imdawwal bil-fjakkoli.
Dan il-lejl maġiku huwa xhieda ħajja tas-sbuħija tal-volontarjat u tal-kollaborazzjoni bejn diversi għaqdiet fis-Siġġiewi u l-kunsill lokali sabiex dejjem aktar jiġu mħarsa u msaħħa dawn it-tradizzjonijiet.