Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Lawrenz, patrun tal-Birgu, fil-Port il-Kbir se jsiru l-ispettakli annwali ta’ logħob tan-nar, li saru parti mill-kalendarju pirotekniku ta’ pajjiżna. Dawn l-ispettakli jiġu preżentati ta’ kull sena mill-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Awwissu tal-Birgu.
L-ispettaklu pirotekniku prinċipali msejjaħ “ La Notte Di San Lorenzo 2016” se jsir lejliet il-festa, nhar it-Tlieta 9 ta’ Awissu fl-10.00 p.m.
Il-pubbliku hu mħeġġeġ jinżel fil-post fejn ser ikun hemm is-sound system u mhux jibqa’ fuq is-swar jew f’xi inħawi oħra vantaġjużi tal-Port il-Kbir, għax inkella ma jkunx jista’ jgawdi l-pakkett kollu li ser ikun offrut. Ħdejn il-club tar-Regatta tal-Birgu, se jkun hemm mużika u diversi effetti ta’ dwal biex jikkumplimentaw l-ispettaklu pirotekniku.
Is-serata tibda b’wirja ta’ logħob tan-nar ssinkronizzata mal-mużika tal-grupp leġġendarju Pink Floyd, umbagħad ikun hemm murtali tradizzjonali tal-beraq. Din il-wirja ta’ murtali tradizzjonali Maltin tiġi fi tmiemha b’wirja oħra ta’ logħob tan-nar ssinkronizzat mall-mużika, din id-darba ma’ mużika Maltija ta’ Mro. Charles Camilleri.
Immedjatament wara, ikun hemm wirja ta’ murtali tradizzjonali tal-kulur. Il-final tkun wirja kbira ta’ nar ssinkorinizzat mall-mużika.
Min jattendi jista’ jasal fil-post billi jgħaddi mill-mina tal-Kalkara u jdur fl-ewwel triq fuq ix-xellug, li tiġi eżatt fil-post. Se jkun hemm parkeġġ kbir viċin, fil-Fortini Football Ground.
Il-Banda Madonna tal-Karmnu tal-Balluta se tkun qed iddoqq marċi brijjużi.
Il-qofol ta’ l-ispettaklu pirotekniku ta’ jum il-festa, l-10 t’Awwissu ikun meta fis-7.15 p.m tinħaraq il-kaxxa infernali hekk imsejħa “tal-ħrug”, kaxxa spettakolari minn fuq diversi braken fil-Port il-Kbir, spettaklu li huwa wkoll b’korejografija u li ser jinħaraq bis-sistema Pyromaster. Immedajatament wara jinħarqu diversi murtali bil-logħob. Il-logħob tan-nar f’din il-ġurnata jibqa’ sejjer sal-11 p.m, fejn ser ikun hemm wirja sħiħa ta’ logħob tan-nar, fl-okkażjoni ta’ Jum San Lawrenz.
Apparti dawn il-jumen principali, l-Għaqda Piroteknika ħejjiet programm ta’ ġimgħa sħiħa logħob tan-nar mill-Port il-Kbir, bħala preludju. Infatti ser ikun hemm programm ta’ logħob tan-nar kuljum f’dawn il-ġranet – Il-Hadd 31 ta’ Lulju, is-Sibt 6, il-Ħadd 7 u t-Tnejn 8 ta’ Awwissu. Is-Sibt 6 ta’ Awwissu, l-Għaqda se tipparteċipa fil-Laser Show li tittella’ mis-Sezzjoni Żgħażagħ Palmiżi f’Misraħ ir-Rebħa fil-11 pm, b’wirja ta’ nar ssinkronizzat mall-mużika. Wara l-ispettaklu fil-Port il-Kbir, nhar it-Tlieta 9 ta’ Awwissu ikun hemm wirja ta’ logħob tan-nar ta’ l-art fil-11.30 p.m quddiem il-Knisja Parrokjali fil-Marina tal-Birgu.
Din is-sena l-logħob tan-nar ġie mmanfiatturat minn dawn il-kumplessi tan-nar: 25 ta’ Novembru taż-Żejtun, San Ġorġ ta’ Ħal Qormi, Sant Andrija ta’ Ħal Luqa, San Ġuzepp ta’ Ħal Għaxaq, Santa Marija ta’ l-Imqabba, Madonna ta’ Lourdes tal-Qrendi u s-Sur Colin Muscat.
Ritratt: David’s Photography