Il-Professur Stephen Montefort li jispeċjalizza fil-qasam respiratorju sostna li mhux veru li fl-ewwel 4 xhur tas-sena aktar minn 100 ruħ mietu f’pajjiżna bl-ażma.
Il-Professur Montefort li huwa wkoll il-Kap tal-Fakultà tad-Dipartiment tal-Mediċina fl-Università ta’ Malta sostna dan b’reazzjoni għal rapporti skoretti fil-midja u mill-Oppożizzjoni fejn ingħad li fl-ewwel 4 xhur ta’ din is-sena, 105 persuni mietu minħabba problemi respiratorji.
Fil-fatt din id-dikjarazzjoni ħolqot allarm iżda l-ispeċjalista tal-mard respiratorju, il-Professur Stephen Montefort mhux biss xejjen din l-informazzjoni skoretta iżda ried iserraħ ras il-familji li dan mhux il-każ.
L-ispeċjalista tal-mard respiratorju, il-Prof. Stephen Montefort stqarr li “Hija totalment inaccurate li ngħidu li jmutu mitt ruħ fis-sena hawn Malta direttament minħabba l-ażma u nixtieq li n-nies iserrħu rashom fuq hekk.”
B’eżempju prattiku, il-Professur Montefort qal kif persuni li kienu jirċievu t-trattament tal-asthma mietu iżda b’kawża oħra.
Hu tenna “Biex intik eżempju, jiġifieri jista’ jkun hemm xi ħadd anzjan li jbati mard ieħor, pereżempju mard tal-qalb jew zokkor u miet minħabba attakk f’qalbu. Meta wieħed jara l-istatistika hekk dan fuq l-istess karta safra mat-trattament tal-qalb kellu trattament tal-ażma, joħroġ li xi ħadd li kellu t-trattament tal-ażma miet. Biss mhux l-ażma qatlitu.”
Il-Viċi-Dekan tal-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija, kif ukoll Kap tad-Dipartiment tal-Mediċina saħaq li f’Malta anki meta jmutu minn wieħed sa erba’ persuni bl-ażma fis-sena, jintwera tħassib.
Qal li dawn ħafna minnhom għax ma jirċievux jew ma jieħdux trattament sew.
Montefort temm jgħid li “Aħna lucky l-ewwel ħaġa li t-trattament huwa tajjeb, tal-ażma allura ħafna mill-ażmatiċi huma kkontrollati. Biss apparti hekk dawk in-nies li xorta jkollhom jew ażma qawwija jew inkella ma jieħdux it-trattament u għal xi raġuni jkollhom it-trattament tal-ażma, kemm l-isptar Mater Dei u kemm il-health centers huma viċin, allura ħafna nies jaslu in time.”