Fl-aħħar jiem, bosta persuni lemħu speċi ġdida ta’ gerriem fil-pajsaġġ Malti. Id-degu, speċi ta’ gerriem miċ-Ċilì huwa speċi aljena fl-ambjent Malti u d-dehra ta’ din l-ispeċi fil-Buskett qajmet bosta ħsibijiet dwar l-effett li jista’ jkollha din l-ispeċi invażiva jekk ikollha taqbad u tibqa’ tgħammar f’pajjiżna.
ONE News tkellem ma’ Arnold Sciberras, naturalist u konsulent fl-immaniġjar tal-pesti. Dan spjega kif id-Degu ġej mill-familja tac-Chinchillas u l-Guinea pigs u jiġi mill-bogħod mill-familja tal-ġrieden u l-firien. Spjega kif din mhux l-ewwel darba li d-Degu deher f’pajjiżna jew li l-preżenza tiegħu fis-selvaġġ Malti ġiet ddokumentata.
Qal kif, “L-ewwel każ li ddokumentajna kien fl-2018 f’Wied Blandun lejn il-Fgura, fejn hemmhekk sibna popolazzjoni pjuttost mhux ħażin u wkoll huwa l-unika post f’Malta li ddokumentajt li bejjet fl-ambjent naturali Malti.”
Stqarr li għalkemm id-Degu jista’ jsibha diffiċli biex jgħix u jgħammar fl-ambjent Malti minħabba li jbati biex jgħix fis-sħana, stqarr li hija possibli li jirnexxielu jgħix f’postijiet umdużi. Spjega kif l-effett tiegħu fuq il-bijodiversità f’pajjiżna ħadd ma jista’ jgħid x’jista’ jkun.
Spjega li, “Jekk jgħix l-impatt ma nafux x’ħa jkun. Hemm ċertu speċi nafu l-impatt x’inhu, hemm ċertu speċi li ilhom fuq mitejn sena, dan bħal kamaleonte, illum qed nirrealizzaw l-impatt negattiv li għandu fuq l-ispeċi indiġeni jew endemiċi. Fuq id-Degu ma nistgħu ngħidu xejn, huwa ħerbivoru, jiekol il-pjanti, pero żgur ser ikun ta’ kompetizzjoni għall-flora u l-fauna ta’ Malta jekk jistabilixxi ruħu hawn Malta.”
Spjega kif speċi li jkunu qed jinżammu fil-magħluq m’għandhom qatt jiġu lliberati barra hekk kif dan jista’ jkollu effett negattiv fuq il-bijodiversità f’pajjiżna. Stqarr kif dawn l-effetti rajnihom kemm bi fniek domestiċi li jiġu mitluq kif ukoll b’serp partikolari.
Qal kif, “Dan apparti li kif qed ngħidu jista’ jmut mewta krudili jista’ jitkattar mal-fniek slavaġġ u jagħmel ħsara anke l-ġenetika pura tal-fenek salvaġġ. Ġrat ukoll fis-sriep din, fejn kemm il-darba hawn Malta ġew meħlusa dawk li jgħidulhom ‘corn snakes’, din viċin ħafna għal-lifgħa tagħna u sibna maż-żmien ‘ibridi’ ta’ dawn l-ispeċi flimkien.”