Bil-għan li jinħoloq spazju miftuħ u mħaddar fil-Ħamrun, il-Ministeru għall-Ambjent flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun u Ambjent Malta, ħabbru proġett b’investiment ta’ madwar mitt elf ewro li bih il-bejt tal-iskola sekondarja tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun (magħruf bħala l-Liceo) se jitħaddar b’għadd ta’ pjanti.
B’hekk, dan l-ispazju fil-qalba tal-bini se joffri spazju aħdar għall-istudenti, imma wkoll għall-komunità – hekk kif il-pjan hu li jkun miftuħ għall-pubbliku.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet fejn tħabbar dan il-proġett, il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera spjega kif dan il-ġnien imur id f’id ma’ proġetti oħra ta’ tħaddir urban – fosthom fil-lokalitajiet, f’parks industrijali, u fit-toroq.
Spjega li bħalma l-Gvern ta priorità lit-tiswija u proġetti fit-toroq, issa qed jiffoka fuq l-ambjent – bir-restawr ta’ ġonna eżistenti, u l-ħolqien ta’ ġonna ġodda, inkluż ħitan imħaddra, u ġonna fuq il-bjut. Dan hekk kif l-ispazji f’pajjiżna huma limitati.
Spjega kif dan il-proġett se jara l-bejt tal-iskola jiġi estiż, u rranġat bil-għan li jitlesta sal-aħħar tas-sena.
Saħaq ukoll li qiegħed jitlaqqa’ kumitat magħmul minn membri mill-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-Ministeru għall-Ambjent, id-Dean tal-Fakultà tal-Arkitettura, u esperti oħra. Dan biex jissaħħaħ ir-rwol tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – sabiex din ma tibqax biss tagħti pariri, imma tkun tista’ timponi kundizzjonijiet ambjentali.
Min-naħa tiegħu, is-Sinku tal-Ħamrun Christian Sammut spjega kif bħala Kunsill kontinwament jaħdmu biex il-Ħamruniżi jkollhom livell ta’ ħajja aħjar.
Spjega li dan l-ispazju mhux biss se joffri ħajja aħjar għaċ-ċittadini, imma mistenni joħloq sens ta’ apprezzament lejl l-ambjent mill-istudenti tal-iskola, li jkunu jistgħu mhux biss igawdu, imma anke jieħdu ħsieb il-pjanti f’dan il-ġnien.