Fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima fil-Pietà, se jsir proġett ġdid ta’ tħaddir urban bi spazju miftuħ sostenibbli.
Ambjent Malta se twettaq dan il-proġett b’investiment ta’ aktar minn mitt elf ewro, li se jissarrfu fil-ħolqien ta’ spazju miftuħ aħdar, l-installazzjoni ta’ tankijiet tal-ilma li jistgħu jaħżnu madwar ħmistax-il elf litru ilma tax-xita, sistema ta’ tisqija u sistema tad-dawl ġdida.
Josianne Muscat, id-Direttur tal-Proġetti Ambjentali fi ħdan Ambjent Malta, spjegat kif dan il-ġnien se jkun miżgħud b’siġar u pjanti: “Ġo dan ir-roof garden, Ambjent Malta ser tkun qed tħawwel diversi siġar kif ukoll diversi arbuxelli. Apparti dawn, se tkun qed tagħmel sistema tad-dawl kif ukoll sistema ta’ irrigazzjoni. Ma’ dawn se tkun qed tagħmel ukoll sistema sabiex jinġabar l-ilma tax-xita biex b’hekk dawn is-siġar u arbuxelli jkunu jistgħu jissaqqew.”
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li proġetti ta’ tħaddir fil-qalba tal-komunitajiet igawdu minnhom l-ambjent u l-komunità in ġenerali: “L-ispazji ż-żgħar ta’ pajjiżna qed inkomplu ntejbuhom u ndawruhom fi spazji miftuħa, jekk jista’ jkun ħodor, li jitgawdew mit-tfal tagħna, mill-anzjani tagħna, mill-familji Maltin u Għawdxin biex dan huwa proġett li jmiss mal-mitt elf ewro u iktar, biex huwa proġett ieħor, ħolqa minn katina ta’ proġetti ta’ urban greening f’Malta.”
L-ispazju miftuħ se jservi wkoll bħala insulazzjoni peress li għandu l-kapaċità li jżomm is-sħana fix-xitwa u t-temperaturi frisk fis-sajf u allura se jtejjeb ukoll l-effiċjenza tal-enerġija tal-bini.