Ġie inawgurat Spazju għall-Arti u t-Teatru fil-Park Nazzjonali, f’Ta’ Qali, li se jkun qed jintuża bħala post fejn isiru produzzjonijiet kulturali, fosthom wirjiet u spettakli teatrali. Se jservi wkoll bħala spazju fejn l-artisti jistgħu jesebixxu x-xogħol artistiku tagħhom għall-pubbliku.
Dan l-ispazju għall-arti se jkun qed jikkumplimenta l-amfiteatru Grieg eżistenti, li wkoll għadda minn proċess ta’ mmodernizzar b’faċilitajiet ġodda u aċċessibbli għall-bżonnijiet artistiċi bħal rehearsal rooms, changing rooms, u doċċi, fost l-oħrajn. Taħt l-istess teatru, li jakkomoda madwar 850 persuna, tlestiet ukoll sala li tista’ tintuża għall-funzjonijiet differenti.
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega li din iż-żona se tagħti dimensjoni oħra lill-proġett tal-Park Nazzjonali, li issa mhux biss se jkun spazju miftuħ mill-isbaħ fejn wieħed jista’ jmur jqatta’ ftit ħin ta’ mistrieħ mal-familja, iżda wkoll pjattaforma għall-artisti lokali u internazzjonali fejn jesebixxu t-talenti tagħhom.
Il-Perit responsabbli tal-proġett, Nadia Curmi, spjegat li f’dawn il-kmamar sar xogħol estensiv ta’ servizzi, b’sistema ġdida ta’ ventilazzjoni u ta’ arja kkundizzjonata. Qalet ukoll li d-disinn ta’ din iż-żona sar b’tali mod li l-ispazju jitħalla flessibbli u newtrali kemm jista’ jkun, sabiex tispikka l-arti tal-installazzjonijiet esebiti.
“Dan il-park estendejnih b’madwar erba’ grwands tal-futbol, madwar 20,000 metru kwadru ta’ art li kienet okkupata minn strutturi illegali. Dawknl-istrutturi waqgħu u l-kumplament tal-art ġiet integrata mal-park; tista’ tgħid ħloqna masġar ġdid.”
It-tlestija ta’ din iż-żona hija fażi oħra mill-proġett tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali li qed jiġi kkoordinat mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u huwa l-akbar proġett ta’ spazju miftuħ li qatt sar f’pajjiżna.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-Gvern huwa impenjat li mhux biss joħloq dawn il-proġetti iżda wkoll li jara li jiġu mantnuti tajjeb biex jibqgħu jitgawdew min-nies.
Waqt li rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu f’dan il-proġett, huwa qal li, fit-totalità tiegħu l-proġett tal-Park Nazzjonali se jkun ċertifikat ieħor ta’ kwalità li jkompli juri l-ħidma tal-Gvern biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
“Dak li inawgurajna llum ikompli jsaħħaħ il-viżjoni tal-Gvern, b’mod fattwali, li jkollna aktar spazji miftuħa mill-isbaħ.”
Min-naħa tiegħu, il-koordinatur tal-proġett, Jason MIcallef, iddeskriva l-ispazju li ġie inawgurat illum bħala togħma ta’ aktar proġetti simili li se jsiru fil-ġejjieni.
“Illum, hawnhekk, bi pjaċir ngħid li qegħdin niftħu t-tieni l-ikbar spazju li ftaħna fl-aħħar sentejn. Naturalment, fix-xhur li ġejjin, mhux tant ’il-bogħod, se nkunu qed niftħu spazji oħrajn biex faċilità waħda wara l-oħra, esperjenza waħda wara l-oħra, jagħmel minn dan l-ikbar park nazzjonali f’pajjiżna.”