Mas-sebat elef metru kwadru t’art li kienet ġnien ta’ batterija militari f’Tigne se tinbidel fi pjazzetta aċċessibbli għall-pubbliku.
Dan wara li l-Permess għall-iżvilupp tal-aħħar fażi tal-proġett li qed isir f’Tigne Point ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Dan l-iżvilupp jifforma parti minn proġett ta’ mitejn u ħamsa u sebgħin miljun ewro f’tas-Sliema.
Il-Perit ta’ dan il-proġett, Ivan Piccinino, fi ħdan il-MIDI, qal li din l-istruttura kienet mibnija fl-aħħar tas-seklu dsatax u nstabet waqt li kienu qed isiru l-iskavi ta’ parti oħra mill-proġett għall-iżvilupp ta’ Tigne Point. B’hekk kienu saru xi studji biex din l-istruttura tkun tista’ tiġi inkorporata mal-kumplament tal-proġett.
Il-Perit żied jgħid wkoll li l-proġett tal-Garden Plaza kien maqsum f’erbgħa. L-ewwel fażi kienet it-tibdil fil-pjanti tal-proġett ta’ Tigne u it-tieni fażi kienet waħda strutturali li tiżgura is-sigurtà tal-mina li tgħaddi minn taħt din il-batterija.
Huwa sostna: “It-tielet fażi kienet dik propju ta’ restawr, fejn it-tim ta’ esperti tagħna ħadu l-approach ta’ konservazzjoni, fejn isir tibdil mill-inqas imma dak li hemm bżonn u għalhekk dan il-proġett ħa jikkonsisti f’tindif tal-ġebel, repointing, tindif tal-istrutturi tal-konkos u bnejna wkoll it-turġien u r-rampi li kienu nkisru wkoll matul iż-żmienijiet. Ġew iddisinjati wkoll ir-railings fuq id-disinn oriġinali.”
Il-Garden Battery Plaza ħa jkun qed jiprovdi spazju miftuħ għan-nies. Dan ħa jkun qed jinvolvi mogħdijiet aċċessibbli għall-pubbliku, terazzini attraenti tal-ġebel, u spazju ieħor li ħa jkollu attrazzjoni bl-ilma u ħafna pjanti indiġeni mħawlin. Biex wieħed jitla’ minn din il-plaza għall-Pjazza Tigne, ħa jsir lift panoramiku li ħa jkun qed jgħaqqad iż-żewġ pjazzez.
Barra minn hekk, il-Garden Plaza se tkun qed jgħaqqad l-pjazza eżistenti ta’ Tigne Point u triq Ċensu Xerri mal-kosta ta’ Qui-Si-Sana.
Il-Perit Piccinino sostna wkoll li l-aħħar fażi ta’ dan il-proġett huwa wieħed ta’ ħafna importanza għal żewġ raġunijiet partikolari.
Huwa tenna: “L-aħħar fażi li qegħdin fiha bħalissa hi l-użu aħħari għaliex importanti li strutturi bħal dawn jingħataw użu għax inkella jerġgħu jiddeterjoraw kif ukoll il-landscaping tal-area madwar il-battery li se tkun parti paviment u parti green landscaping biex titgawda mill-pubbliku ta’ tas-Sliema u mill-pubbliku inġenerali”.
Is-sena l-oħra r-restawr impekkabbli tal-MIDI fuq din il-batterija ġie rikonoxxut fil-Premijiet għall-Wirt Arkitettoniku li jittella’ mill-Fondazzjoni Din l-Art Ħelwa.