Ġie ffirmat ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann li permezz tiegħu qed isir investiment ieħor fi spazju miftuħ.
Ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ u rinnovar li se jsiru f’dan il-Ġnien jikkonsistu f’xogħlijiet ta’ skavar u bini ta’ ġibjun tal-ilma, xogħol ta’ pavimentar, installazzjoni ta’ servizzi taħt l-art, installazzjoni ta’ sistema ta’ irrigazzjoni awtomatika, installazzjoni ta’ għamara ta’ barra u xogħlijiet oħra ta’ landscaping.
Is-Sindku ta’ San Gwann, Trevor Fenech qal li permezz ta’ dan l-investiment, il-kunsill qed ikompli jaħdem biex ikun aktar spazji miftuħa f’San Ġwann u ambjent aħjar għal kulħadd.
Is-Sindku qal li dan il-proġett se jkun qed jittrasforma Ġnien George Zarb sabiex ikun ġnien komplut bil-faċilitajiet kollha u aċċessibbli għal kulħadd.
Qal, “Għelieqi żgħar, ħa jiġu ġnien komplut bil-faċilitajiet li jeħtieġ bħal ġnien. Investiment ieħor ġewwa din l-lokalità tagħna fejn din il-lokalità kellha għal l-ambjent għal qalbu u hekk noffru dawn il-ġonna u spazji miftuħa biex nagħtu lokalità isbaħ lir-residenti.”
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-proġett huwa proġett ieħor minn kullana ta’ proġetti li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed iwettaq f’diversi lokalitajiet sabiex, b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, ikomplu jsebbħu l-lokalitajiet tagħna.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif permezz ta’ dan il-proġett li se jsir fi Ġnien George Zarb, il-Gvern qed ikompli jaħdem sabiex ikompli jittrasforma aktar żoni li kienu jinsabu fi stat mitluq f’ġonna u spazji miftuħa għat-tgawdija tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Stqarr, “Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jkompli jappoġġja l-interventi tal-Kunsilli Lokali bħal dawk li qed naraw ġewwa dan il-ġnien li qed jifforma, inkomplu nsebbħu l-lokalitajiet tagħna.”