Bħalissa qed titella’ s-sitt edizzjoni tal-MCAST ICA Festival li qiegħed iservi ta’ pjattaforma għall-istudenti mill-Istitut tal-Arti Kreattiva fi ħdan il-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija.
Il-Festival mtella’ fi Spazju Kreattiv sal-aħħar ta’ Lulju qiegħed jesebixxi xogħlijiet ta’ studenti li qegħdin fl-aħħar sena tal-istudji tagħhom f’livell ta’ Baċellerat.
Barra li jesebixxi x-xogħol tal-istudenti, dan il-festival qiegħed iservi wkoll ta’ pjattaforma għal studenti prospettivi tal-MCAST fejn saħansitra għandhom l-opportunità jitkellmu u jgħarrfu aħjar rwieħhom dwar il-futur tagħhom.
Dan il-festival qiegħed jittella taħt it-tema ‘Embrace Liminality’ li kienet magħżula mill-istudenti stess u tirreferi għal mument inizjali li l-artist ikun ħa jibda l-proċess biex joħloq dak li jkun qiegħed jimmaġina.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattività, l-artist Rupert Cefai spjega kif Spazju Kreattiv qiegħed jintuża għall-iskop ewlieni tiegħu, dAk li jservi ta’ pjattaforma lil kull artist, irrelevanti minn fejn ġej.
Qal, “Il-ħsieb warajh hu li mhux biss nilqgħu fost l-aqwa stabbiliti imma anki f’perjodi fis-sena nilqgħu dawk l-artisti, il-kreattivi li għadhom qed jibdew il-karriera.”
Il-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja nnota kif dak esebit juri stampa ċara tal-prodott tal-Kulleġġ bi studenti Maltin iżda wkoll oħrajn barranin li qegħdin u se jkomplu jgħollu l-livell artistiku ta’ pajjiżna.
Qal, “Prodott sabiħ Malti, prodott ta’ żgħażagħ Maltin illi għada pit għada żgur se jkunu artisti prominenti fix-xena kulturali u artistika ta’ pajjiżna.”
Preżenti għall-ftuħ ta’ dan il-festival kien hemm ukoll il-Ministru għall-Arti, Owen Bonnici nnota kif dan il-festival jmur lil hinn minn biss esebizzjoni ta’ xogħlijiet iżda jirrifletti kollaborazzjoni akbar flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti biex l-istudenti mhux biss jeċċellaw iżda jagħmlu professjoni profittabbli minn dak li jkunu studjaw.
Qal, “Aħna rridu illi jkollna kollaborazzjoni magħhom sabiex hekk kif jiggradwaw u joħorġu minn dan il-Kulleġġ ikunu jistgħu mill-ewwel jidħlu fid-dinja tax-xogħol u d-dinja professjonali. Aħna nemmnu li Spazju Kreattiv jipprovdi l-aqwa pjattaforma.”
Il-Festival fi Spazju Kreattiv se jkun miftuħ għall-pubbliku sal-aħħar ta’ Lulju.