Il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija ħabbar il-bini ta’ spazji industrijali ġodda għal tletin negozji żgħar u medji fiż-Żona Industrijali ta’ Ħal Far.
Dan qed isir b’investiment ta’ tnax-il miljun ewro u se jkun qed isir f’żona ta’ erbatax-il elf metru kwadru, f’art li kienet abbandunata u għal tul ta’ żmien bosta kienu jarmu l-iskart tagħhom.
Il-Ministru għall-Ekonomija u Industrija Silvio Schembri spjega li dan il-proġett huwa wieħed importanti minħabba li erba’ minn kull ħames ħaddiema jaħdmu fis-settur tan-negozji żgħar u medji.
Il-Ministru Schembri qal kif dan il-proġett li se jitlesta fi żmien sentejn huwa parti mill-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika, fejn kien tħabbar l-akbar investiment fiż-żoni industrijali f’pajjiżna.
Il-Ministru għall-Ekonomija qal kif dan il-Gvern kien ta’ spalla għan-negozji waqt pandemija u issa jrid jara li dawn ikomplu javvanzaw.
Il-Ministru Silvio Schembri qal kif ix-xogħol fuq din l-art diġà beda hekk kif tnaddfet mill-iskart li kien hemm u spjega kif ix-xahar id-dieħel mistenni jibda x-xogħol fuq dan il-proġett.
Spjega li “dan huwa messaġġ lin-negozji żgħar u medji, li dan huwa gvern li xejn u ħadd m’hu ħa jxekkel l-avvanz ekonomiku ta’ dan il-pajjiż. Dan huwa partit fil-Gvern deċiżiv li jrid ikompli jieħu d-deċizjonijiet u ma jiddejjaq xejn jieħu d-deċiżjonijiet biex ikompli javvanza.”
Iċ-Chairman ta’ INDIS Malta, Jean Pierre Attard qal kif l-applikazzjonijiet fetħu għal dawk in-negozji li jixtiequ jiftħu n-negozju tagħhom f’dan l-ispazju.
Huwa qal li “din l-art illi identifikat l-INDIS se tkun qed tintużaha l-industrija li taqa’ taħt il-classes 5A u 5B, li jinkludi mastrudaxxi, panel beaters u ħafna oħrajn. L-applikazzjonijiet minn issa stess tellajnihom fuq il-website tagħna. Nifhmu wkoll li ħafna negozji se jkollhom bżonn l-għajnuna tagħna l-uffiċini u allura dawk kollha interessati jistgħu jiġu jiġbru l-formola mill-uffiċini tagħna fl-Imsida, inkunu nistgħu ngħinuhom u ovvjament ngħidulhom ukoll x’għandhom bżonn biex ikunu jistgħu jtellqu l-proċess biex jiġu allokati art hawnhekk.”
Dan iż-żona se tinkludi wkoll mija u erbgħin parkeġġ taħt l-art.