Elfejn metru kwadru t’art f’Ħal Farruġ li tinsab fi stat t’abbandun issa se tiġi riġenerata għat-tgawdija tar-residenti u sservi ta’ spazju miftuħ ieħor għall-familji.
Dan ix-xogħol se jsir minn Parks Malta wara ftehim mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa u se jitlesta fix-xhur li ġejjin.
Parks Malta se jkunu responsabbli mill-manutenzjoni u ż-żamma ta’ din iż-żona fejn jistgħu jsiru picnics.
Is-sit se jiġi attrezzat bil-kameras tas-sigurtà biex iż-żona tkun aktar sigura u se jinbena ċint mad-dawra.
Se jsir ukoll tħawwil ta’ siġar u sistema ta’ tisqija bl-użu ta’ ġiebja.
Se jkun hemm ukoll dawl li jaħdem b’sistema innovattiva kkontrollata skont il-ħin tal-ġurnata u l-bżonn.
L-investiment f’din is-sistema jassigura effiċjenza u titjib fis-servizz.
Meta kienet qed tħabbar dan il-proġett, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalet li tħares ’il quddiem għal iktar proġetti bħal dawn biex jitgawdew mill-pubbliku fil-lokalità tagħhom stess.
Dr Dalli spjegat x’inhu l-ħsieb wara dan il-proġett f’Ħal Farruġ: “Fil-fatt se jkollna ammont minimum ta’ picnic benches, se jkollna numru ta’ kontenituri tas-separazzjoni tal-iskart imma nixtiequ li l-familji tagħna, meta joħorġu mat-tfal tagħhom u r-residenti ta’ din il-lokalità, jiġu f’dan il-park u pereżempju jekk iridu jagħmlu picnic, jużaw liżar u jkunu sajru l-affarijiet u jiġu hawnhekk igawdu dan il-park fl-iktar stat naturali tiegħu.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard saħaq fuq iż-żieda ta’ spazji miftuħa viċin komunitajiet differenti. Huwa stqarr: “Se nagħtu nifs ġdid lil dan l-ispazju abbandunat minħabba li huwa importanti li noħolqu iktar spazji ta’ rikreazzjoni viċin ir-residenti.”