Quddiem l-isfida biex torganizza Paceville, l-Awtorità tal-Ippjanar daret fuq tnejn mill-ikbar kumpaniji fid-dinja f’dan is-settur…. Mott MacDonald u Broadway Malyan. Dawn ħarġu bi pjan ta’ madwar 250 paġna li se jkun għall-konsultazzjoni.
Fih mhux biss hemm il-proposta aħħarija li marru għaliha l-konsulenti, iżda hemm l-għażliet oħra li jeżistu.
Il-pjan jaħseb għal Paceville iktar aċċessibbli, b’iktar kwalità u organizzat. L-emfasi qiegħda fuq il-bilanċ bejn l-investiment privat, fejn jeżisti interess kbir, u l-ispazzji pubbliċi. F’Paceville għandu jkun hemm taħlita ta’ attività.
Il-masterplan jiġbed turiżmu ta’ kwalità, lukandi tal-ogħla livell u business hub ġdid, bl-ikbar emfasi tkun fuq l-uffiċini.
Jekk wieħed iħares lejn il-pjan li qed ikun propost, jara spazji miftuħa li llum ma jeżistux. Dan bl-organizazzjoni aħjar ta’ żoni miftuħa li diġa’ jeżistu u każi fejn saħansitra trid issir esproprjazzjoni.
Fost oħrajn illum ftit li xejn hemm aċċess għall-kosta għajr għal dawk li jużaw il-faċilitajiet privati u din hija waħda mill-affarijiet li jridu jinbidlu. Il-kosta, li tibqa’ ffukata fuq l-użu tat-turiżmu, trid tkun aċċessibbli għal pubbliku.
Il-bajja ta’ San Ġorġ trid ikun l-ispazju miftuħ ewlieni. Huwa propost li jkun hemm ukoll spazji ġodda madwar il-Westin Dragonara, u ieħor viċin is-sit tal-ITS. Sit ieħor huwa viċin il-Corinthia Marina.
Ħsieb ieħor hu hi l-ġnien ta’ Villa Rosa jinfetaħ għall-użu pubbliku.
Fejn jidħol bini għoli l-konsulenti żviluppaw proposta marbuta ma’ disa’ siti ta’ opportunitajiet. Il-massimu ta’ bini ogħli se jkun ta’ 35 sular. F’dan il-kaz m’hemmx għażla, iżda hemm proposta ta’ kemm għandu jibneba f’kull każ, biex jinħoloq dak li qed ikun deskritt skyline ikoniku.
L-aċċessibbiltà hija tema oħra kruċjali. Qed tkun proposta mina biex it-traffiku li huwa regjonali ma jersaqx lejn Paceville. Illum min irid imur Paceville qed jitħallat ma’ min ma jridx imur. Il-pont li hemm illum qabel tidħol Paceville jitneħħa u dik iż-żona tkun kollha fuq l-istess livell. Hemm se jkun il-bidu ta’ pjazza ġdida.
Indirizzat ukoll il-parkeġġ, bi prijorità tingħata lir-residenti ta’ Paceville u l-lokalitajiet tal-madwar u żvilupp ta’ kunċett ta’ park and ride.
Il-masterplan janalizza l-aspetti kollha meħtieġa f’lokalità fejn jgħixu u jaħdmu n-nies, mid-drenaġġ, sal-ilma u l-elettriku, il-ġbir ta’ l-iskart u s-servizzi tat-telefonija.
Fi ftit kliem, qed ikun propost li Paceville jinbidel u l-bidla ssir b’mod ippjanat. Dan il-masterplan li huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu f’pajjiżna.