Fi Ġnien Ġilormu Cassar fil-Gudja, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, irrikonoxxiet lil diversi kunsilli lokali li kienu parti minn skema li tara li jsir manutenzjoni lill-ġonna żgħar u spazji miftuħa bis-sehem dirett tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
Marisa Pisani, Direttriċi tal-Istrateġija u Implimentazzjoni Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, stqarret li din l-iskema hi t-tieni darba li ħarġet, fejn l-ewwel darba kienet tikkonsisti f’ħidma mill-ħaddiema fil-libreriji pubbliċi fejn għamlu titjib meħtieġ.
Qalet li, din id-darba, b’din il-ħidma, ir-residenti qed jingħatalhom spazju rikreattiv fejn jistgħu jissoċjalizzaw, jiltaqgħu fih u anke l-kunsilli lokali jagħmlu diversi attivitajiet bil-parteċipazzjoni tar-residenti tal-madwar ukoll.
Din id-darba l-espressjoni ta’ interess kienet biex issir manutenzjoni f’ġonna, aħna nsejħulhom community gardens, li fihom saru diversi xogħlijiet ta’ tibjid, tikħil, manutenzjoni ta’ bins, manutenzjoni ta’ bankijiet, dejjem b’għan wieħed: li nsebbħu l-ambjent u nipprovdu spazju rikreattiv għar-residenti.
Marisa Pisani, Direttriċi Strateġija u Implimentazzjoni
F’kummenti li tat is-Sindku tal-Gudja u kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew, Marija Sara Vella Gafà, spjegat kif grazzi għal dawn il-fondi, setgħu jtejbu aktar iż-żoni tar-rikreazzjoni għal żoni fejn in-nies jistgħu jmorru u jkollhom ħin ta’ kwalita’ mall-familja tagħhom.
Grazzi għall-ħaddiema tad-Dipartiment, hawnhekk għamilna xogħlijiet fuq il-ħitan, fost l-oħrajn, fejn żbagħna, kaħħalna u għamlu xogħlijiet oħrajn importanti ħafna, li dan kellna bżonn l-għajnuna finalment ta’ diversi persuni min-naħa tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali.
Marija Sara Vella Gafà, Sindku tal-Gudja u kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew
Fil-kummenti tagħha, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet kif l-ispazji miftuħa u l-kwalità tal-ħajja tibqa’ fost il-prijoritajiet tal-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex.
Permezz ta’ din l-iskema li d-Diviżjoni tal-Gvern Lokali qegħda toħroġ u ssejjaħ lill-kunsilli lokali biex inkomplu ngħinuhom joħolqu dawn l-ispazji u nirranġaw dawn l-ispazji biex ikunu r-residenti fil-lokalitajiet differenti li jgawdu minn kwalità ta’ ħajja tajba u spazji miftuħa.
Alison Zerafa Civelli, Segretarju Parlamentari