Permezz tas-sittax-il spazju aħdar ġdid li se jinħolqu fil-komunitajiet b’investiment ta’ €10 miljun, ir-residenti tal-lokalitajiet se jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Dan intqal mis-Sindki tal-Mellieħa u tal-Mosta f’intervista ma’ ONE News, l-għada li l-Gvern ħabbar li dawn iż-żewġ lokalitajiet se jkunu fost dawk li fihom se jinħoloq spazju aħdar ġdid.
Is-Sindku tal-Mellieħa, Dario Vella, qal li f’din il-lokalità se jsir Ġnien fi Triq il-Għasel, b’elfejn metru kwadru ta’ spazju miftuħ. Tkellimna miegħu proprju biswit l-art fejn se jsir dan il-proġett, li bħalissa huwa abbandunat u jintuża biss biex fih jintrema l-iskart.
“L-art, li ilha abbandunata s-snin, art li tesa’ madwar 2,000 metru, applikajna għal dan il-proġett u, grazzi għal din l-iskema, huwa wieħed mis-16-il proġett li se jkunu qed isiru fix-xhur li ġejjin. Bħala sindku ta’ din il-lokalità, bħala kunsill, inħarsu ’l quddiem biex din l-art abbandunata nagħtuha bħala spazju miftuħ, bħala ġnien, lir-residenti ta’ din il-lokalità, b’mod speċjali lir-residenti ta’ din iż-żona biex ikunu jistgħu jgawdu dan l-ispazju miftuħ flimkien mal-familjari tagħhom.”
Fil-Mosta, is-Sindku ta’ din il-lokalità, Chris Grech, ikkummenta dwar kif, wara konsultazzjoni li saret mal-pubbliku, ħareġ li n-nies iridu aktar spazji ħodor fil-qalba tal-komunità.
L-aġenzija Project Green se tkun qed tirriġenera Ġnien Reggie Cilia, li jinsab wara r-Rotunda tal-Mosta, li se jkun qed jinbidel fi spazju ta’ 2,000 metru kwadru li jintegra mal-kumplament tat-toroq fil-pjazza. Toroq dojoq li jmissu mal-pjazza se jsiru pedonali.
Is-Sindku Mosti sostna li ma’ dan il-proġett, apparti dawk ambjentali, se jkun hemm ukoll oħrajn li minnhom se tgawdi l-komunità.
“Dan il-ġnien se jikber bi 800 metru ieħor. Se jiżdiedu l-ispazji fejn hemm il-ħamrija u se jkun hawn diversi siġar ġodda. Se jkun hawn ukoll catchment tal-ilma tax-xita, biex jintuża biex jissaqqa dan il-ġnien. Se jkun hawn riġenerazzjoni tal-klabb tal-boċċi, li llum għandu bżonn infrastruttura u għandu bżonn ċerti xogħlijiet.”
Grech qal li dwar dan il-proġett se ssir konsultazzjoni mat-tfal tal-iskola sabiex dan il-ġnien ikun jista’ jitgawda minnhom ukoll.