Għas-sitt sena konsekuttiva familji u għaqdiet mhux governattivi li jieħdu ħsieb tfal bil-kundizzjoni tal-awtiżmu ser ikunu jistgħu jagħmlu użu minn faċilitajiet sportivi fi skejjel li huma addattati għal tfal bl-awtiżmu.
Inizjattiva li permezz tagħha tfal bl-awtiżmu jistgħu jiffrekwentaw spazji addattati u rikreattivi għalihom f’ħames skejjel madwar Malta u Għawdex fosthom l-iskola Primarja ta’ Ħ’Attard, Marsaxlokk, San Pawl il-Baħar, ix-Xgħajra u tas-Sannat f’Għawdex
Ma’ One News iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold s-Sinjura Michelle Muscat spjegat kif il-Fondazzjoni flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni semgħu l-karba ta’ ġenituri u għaqdiet mhux governattivi li jsibuha diffiċli sabiex jsibu spazji addattati għal uliedhom.
“M’għandniex minn xiex niddejqu li għandna t-tfal bl-awtiżmu. Din hija xi ħaġa li llum il-ġurnata l-awtiżmu nitkellmu dwaru. Hawn is-servizzi kollha u allura m’għandniex għalfejn niddejqu milli nużaw dawn is-servizzi li qed jiġu pprovduti” tenniet Is-Sinjura Muscat.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-ġenituri tat-tfal bl-awtiżmu Omar Farrugia tkellem dwar l-importanza ta’ dawn l-ispazji kwieti u attrezzati għal tfal b’din il-kundizzjoni.
Is-Sur Farrugia stqarr li “Huwa importanti għaliex mhux kull tifel u tifla li huma bl-awtiżmu għandhom bżonn l-istess esiġenzi. Hemm minnhom li jgħixu ħajja normali ma’ tfal normali però hemm minnhom li jridu l-area tagħhom dik li ngħidulha l-comfort zone. L-area tagħhom tfisser li tkun kwieta, tkun attrezzata bi ftit affarijiet u mhux ħafna affarijiet però tkun adattata għalihom”.
Is-Sinjura Muscat qalet li bħalissa l-Fondazzjoni qed taħdem fuq proġett mal-Kunsill tal-istudenti Universitarji, il-KSU sabiex tipprovdi spazju addattat għal studenti bl-awtiżmu fl-Università.
Hija sosniet “Bħalissa aħna qed naħdmu mal-KSU biex matul din is-sena nkunu nistgħu noffru spazju kwiet ukoll għal studenti bl-awtiżmu li llum il-ġurnata wkoll qed jiffrekwentaw l-Università ta’ Malta”.
Kull min jixtieq jagħmel użu minn dawn l-ispazji jista’ jikkonsulta ma’ skeda onlajn fuq is-sit uffiċjali tal-Assoċjazzjoni tal-ġenituri tat-tfal bl-awtiżmu.