F’anqas minn 24 siegħa minn qabda kbira ta’ 44 kilo droga kokaina fil-Port Ħieles, id-Dwana ta’ Malta wettqet qabda oħra ta’ 10 kili droga kannabis li l-valur tagħha fis-suq huwa ta’ €20,000.
Is-sejba tad-droga saret l-Erbgħa permezz tal-kelb tad-Dwana Sparky, wieħed mill-klieb il-ġodda li għadhom kif issieħbu fit-Taqsima tal-Klieb tad-Dwana.
Fi stqarrija, id-Dwana qalet li d-droga nstabet f’karozza ta’ Taljan li kien għadu kif wasal Malta bil-katamaran mill-Port ta’ Pozzallo. Qalet li kelb beda jdur mal-karozza tat-Taljan, iżda l-ewwel tfittxijiet ma taw l-ebda riżultati. Madankollu l-kelb ma qatax qalbu u baqa’ jiġbed l-attenzjoni tas-sid tiegħu.
Kien għalhekk li qam is-suspett li d-droga setgħet kienet moħbija fil-kompartamenti tal-karozza. Għal din ir-raġuni, il-karozza ttieħdet fil-garaxx tal-Pulizija fejn l-esperti tal-Pulizija żarmaw diversi partijiet tal-karozza u ħarġu d-droga li kienet moħbija f’żewġ bibien.
Id-Dwana qalet li hu mifhum li l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wessgħu l-investigazzjonijiet tagħhom u ġew arrestati numru ta’ persuni fosthom Sqalli. Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud.
Id-Dipartiment tad-Dwana ta’ ħajr lill-Pulizija għall-koperazzjoni ta’ bejniethom u esprima l-gratitudni tiegħu lejn id-Dipartiment tal-Pulizija li dejjem għen f’dawn is-sitwazzjonijiet.
Ara wkoll:
http://www.one.com.mt/2018/11/21/jinqabdu-44-kilo-kokaina-fil-freeport/