Aidan Bartolo se jitressaq illum b’arrest il-Qorti mixli b’attentat ta’ qtil, attentat ta’ feriti gravi, li kkaġuna feriti fuq Pulizija, li saq b’mod pperikoluż, li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija fost oħrajn.
Bartolo se jkun qed jitressaq quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco għall-ħabta tal-17:00.
Dan b’rabta mal-isparatura li seħħet fil-Mellieħa fejn Bartolo kien ġie arrestat wara sitt sigħat maħrub hekk kif instab mistoħbi fil-ħaxix fil-Miżieb.
Il-Prosekuzzjoni se titmexxa mill-Avukat Anthony Vella mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali, assistit mill-Ispettur Marshal Mallia.
Hu ġie arrestat il-Ġimgħa ftit wara nofsillejl wara tfittxija intensiva u delikata.
F’din it-tfittxija ħadu sehem pulizija minn diversi taqsimiet, fosthom l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u l-Iskwadra tar-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, l-Ispecial Intervention Unit, Rapid Intervention Unit u t-Taqsima tal-Klieb.
Il-Pulizija qalet li l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u tal-Ispecial Intervention Unit kienu qed jissorveljaw il-passi ta’ Bartolo, li kien f’vettura.
Dan bħala parti minn operazzjoni relatata ma’ rejd tad-droga.
Fil-by-pass tal-Mellieħa Bartolo intebaħ bil-Pulizija jsusu warajh.
Kien hawn li huwa saq għal fuq il-vetturi tal-Pulizija, bil-Pulizija tispara tiri fid-direzzjoni tal-karozza tat-tip Mazda Demio biex ir-raġel jitwaqqaf.
F’dan il-mument Bartolo ħareġ mill-vettura u ħarab bil-ġiri lejn il-Miżieb fejn minn hemm bdiet it-tfittxija.
Hekk kif ġie arrestat, bħala prekawzjoni ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, hekk kif kien qed isofri minn xi ġrieħ fejn sa dalgħodu kien għadu qed jieħu l-kura.