Sbieħ jum il-Kunċizzjoni, bosta reħewla lejn ir-range tal-isparar għall-plattini f’Ħal Qormi fejn hemmhekk għaddew nofstanhar jipprattikaw dan l-isport b’risq il-Malta Community Chest Fund.
L-attività ‘Sparatura Mira għall-Istrina’ saret bl-inizjattiva tal-Ministeru għall-ekonomija, il-Federazzjoni Maltija għall-isport tal-Isparar u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti.
Il-Ministru Silvio Schembri spjega kif din kienet opportunità sabiħa biex wieħed jgħin lill-Malta Community Chest Fund f’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija.
Huwa qal, “Dawn huma affarijiet li lil hinn ukoll mill-ekonomija li tradizzjonalment nitkellmu rridu naħsbu wkoll f’kulħadd, speċjalment f’dan iż-żmien, huwa żmien ta’ aktar diffikultà biex jinġabru l-fondi, u allura qed naraw li ntellgħu inizjattivi li forsi bi ftit iktar, bil-ftit mingħand kulħadd ħa ngħidu hekk, niġbru somma wkoll sabiħa.”
David Falzon li għandu dan l-isport għal qalbu u li wkoll attenda għal din l-attività stqarr li dan jagħtih ċertu sodisfazzjon li jaf li waqt li qed jipprattika l-isport li jħobb qed jgħin ukoll lil min hu fil-bżonn.
Huwa spjega: “Bħal lum qisek tispara iktar mis-soltu għax illum qed tispara lejn xi ħaġa għal għan nobbli, kif għidt inti, u sodisfazzjon tagħna li qed noffru xi ħaġa minn dak il-ftit li nafu aħna hux.”
Il-flus miġbura waqt din l-attività ser ikunu preżentati lill-Malta Community Chest Fund waqt l-edizzjoni li jmiss tal-Istrina.