Minn tal-inqas 50 persuna nqatlu filwaqt li 200 persuna oħra ndarbu fi sparatura li seħħet waqt kunċert f’Las Vegas.
L-aggressur, Stephen Paddock ta’ 64 sena li jgħix proprju hemm, fetaħ in-nar mit-32 sular tal-lukanda Mandalay Bay Hotel fuq il-folla li kienet qed tattendi għall-kunċert.
Hu nqatel b’tiri sparati minn uffuċjali tal-Pulizija fil-lukanda fejn kien, fejn fl-istess kamra nstab li kien hemm diversi armi tan-nar.
Dan l-attakk qed jitqies bħala wieħed mill-agħar sparaturi li qatt saret fl-istorja tal-Istati Uniti.
Il-Pulizija sostniet li huma jemmnu li dan l-attakk twettaq minn persuna waħda, u li l-Pulizija diġà saret taf fejn tinsab il-mara li allegatament ivvjaġġat mal-aggressur.
S’issa għad m’hemmx konferma tat-total ta’ persuni li tilfu ħajjithom u ndarbu, iżda ġie kkonfermat li fost dawk li tilfu ħajjithom kien hemm żewġ Pulizija li kienu qed jattendu għall-kunċert.