Ħames persuni ttieħdu l-isptar għall-kura wara sparatura li seħħet fi skola fil-belt ta’ Orebro, fiċ-ċentru tal-Iżvezja, minn persuna jew persuni mhux magħrufa.
Mill-inqas wieħed mill-vittmi jinsab f’qagħda kritika, waqt li rapporti fil-midja lokali qalu li raġel suspettat jista’ jkun fost dawk li qed jirċievu l-kura.
Minkejja dan, dan kien għadu mhux ikkonfermat mill-Pulizija, li ssejħet fuq il-post għall-ħabta tan-12:30 ta’ waranofsinhar.
L-iskola, li tilqa’ fiha studenti minn 20 sena ’l fuq li ma jkollhomx edukazzjoni f’livell Sekondarju, tinsab f’kampus edukattiv li jinkludi skejjel oħrajn, inkluż għal tfal żgħar.
Waqt li kienu għadhom isiru tfittxijiet u l-investigazzjonijiet, il-Pulizija lokali appellat lill-pubbliku biex jevita ż-żona minħabba l-periklu.