Ġurnalist prominenti fl-Olanda jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ġew sparati tiri lejh fil-belt ta’ Amsterdam.
Il-każ seħħ it-Tlieta filgħaxija bil-vittma jkun Peter R de Vries.
Filmati mtella’ fuq il-midja soċjali wrew lir-raġel mitfugħ mal-art f’għadira demm b’feriti f’rasu.
Rapporti fil-midja barranija qed jgħidu li l-Pulizja arrestat persuna ftit ‘l barra minn Amsterdam madankollu dawn ir-rapporti għadhom ma ġewx kkonfermati mill-Pulizija Olandiża. Fl-istess waqt il-Pulizija qed tfittex persuna oħra meqjusa bħala perikoluża b’rabta ma’ din l-isparatura.
Il-Prim Ministru caretaker Olandiż Mark Rutte mistenni jagħmel stqarrija pubblika wara laqgħa li għandu mal-awtoritajiet tal-intelliġenza u Pulizija Olandiża.
Permezz ta’ Tweet, il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem, Dunja Mijatovich qalet li tinsab ixxukjata b’dak li ġara u appellat lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jagħmlu ħilithom kollha biex jaqbdu l-imħuħ wara dan l-attakk.
Il-ġurnalist li safà fil-mira ta’ dan l-attakk kiteb fuq diversi suġġett jaħarqu tul il-karriera tiegħu b’ wieħed mill-akbar stejjer tiegħu kienet b’rabta mal-ħtif ta’ Freddy Heineken fl-1983.