Nico Sciberras rebaħ il-midalja tal-fidda fil-kompetizzjoni Trap Junior tal-Irġiel waqt il-Kampjonat Ewropew tax-Shotgun f’Lonato del Garda l-Italja.
Din kienet l-ewwel darba li tiratur malti żagħżugħ tat-Trap qatt rebaħ midalja f’kampjonat kontinentali.
Bi skor ta’ 116/125, Sciberras għadda għal ‘two-way shoot-off’ mat-taljan Riccardo Mirabile, għall-fażi finali. Nico irnexxielu joħroġ rebbieħ bi +8 hit targets għal +7.
Fil-fażi finali, l-atleta malti laqat 41/50 plattina biex spiċċa bl-istess skor mat-taljan Matteo Dambrosi. Ir-riżultat fisser li Nico kellu jagħmel shoot off oħra. Huwa rebaħ +2 għal +1 hit targets.
B’hekk Nico Sciberras rebaħ il-fidda, bit-taljan Luca Gerri jirbaħ id-deheb.
Kien hemm ukoll tiraturi oħra maltin li kellhom dawn ir-riżultati:
Ryan Bugeja (Trap Men Junior Event) laqat 111/125.
Fit-Trap Men Event, Emmanuel Bugeja laqat 115/125, Gianluca Chetcuti laqat 112/125 u James Galea laqat 110/125.
It-team malti tas-Skeet se jkun qed jidħol fl-azzjoni fil-ġranet li ġejjin hekk kif fit-22, 23 u l-24 ta’ Mejju fejn se jikkompetu ma’ madwar 440 atleta minn 42 pajjiż fit- Trap Concaverde Olympic Shooting Range.
Il-Malta Shooting Sport Federation tixtieq tirringrazzja lit-Trap Head Coach Antonello Iezzi, il-kowċ personali ta’ Nico Aldo Falzon, l-uffiċjal tal-MSSF Nicholas Carabott flimkien mal-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta.