- Il-Prosekuzzjoni tal-każ ta’ Deniro Magri, li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Sylvester Farruġia fil-Marsa fit-12 ta’ Frar, intqal li fi stat ta’ paniku, l-akkużat ma rrappurtax dak li kien ġara lil Pulizija, iżda mar fir-residenza tal-ġenituri tiegħu biex ibiddel u jinħasel u sar jaf li laqat lil Farruġia mill-aħbarijiet.
Xhieda li kienu fuq il-post qalu fil-Qorti li Magri kien qed jistenna attakk fuq id-dar tiegħu u li kien ħa l-prekawzjonijiet neċċessarji biex iwaqqaf dak li kien hemm pjanat. Magri li għandu 27 sena ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih li spara u qatel lil Farrugia f’karozza misruqa fil-Marsa. L-avukati difensuri qalu fil-Qorti li dan huwa każ ta’ self-defence, u argumentaw li l-akkużat spara lil Farrugia wara li nies mhux magħrufa pruvaw iqabdulu d-dar.
Fix-xhieda tal-Qorti wara li nġabret l-evidenza kollha, l-Ispettur Keith Arnaud qal li wara li allegatament Magri rċieva numru ta’ theddid, huwa xtara pistola u nstalla CCTV kameras mar-residenza tiegħu. Il-Prosekutur spjega li l-akkużat kien iżomm is-saqqu tiegħu quddiem it-televiżjoni biex ikun jista’ jsegwi x’qed jiġri barra r-residenza tiegħu.
Magri qal lil Pulizija, li fil-ġurnata li fiha inqatel Farrugia, għall-ħabta tas-2.30am huwa kien fir-residenza tiegħu flimkien mal-partner u t-tifel tiegħu. L-akkużat allegatament semgħa ħsejjes wara l-bieb tad-dar tiegħu u meta ra numru ta’ persuni barra beda jispara. Magri ntebaħ li kien laqat persuna bit-tiri tiegħu l-għada li ġara dan il-każ mill-aħbarijiet.
Magri stqarr mal-Pulizija li wara li spara u niżel fis-sular ta’ isfel tad-dar tiegħu huwa sab tyre u jerrycan li rema flimkien mal-pistola tiegħu fi Triq Diċembru 13. Fi stat ta’ paniku, Magri ma rrappurtax dak li kien ġara lil Pulizija, iżda mar fir-residenza tal-ġenituri tiegħu biex ibiddel u jinħasel.
L-Ispettur Arnaud qal li t-tyre flimkien mal-jerrycan instabu l-għada mill-Pulizija, iżda ma nstabux traċċi tal-pistola. Ġie spjegat ukoll li kienet Pulizija li rat ix-xena tal-qtil meta kienet fi triqtha lejn ix-xogħol fil-5am.
Dettalji dwar ix-xena tal-qtil:
- Instabet Toyota Starlet fi Triq Simpson, b’tiri ta’ arma tan-nar fuq il-windscreen u raġel mejjet
- Il-vittma kien liebes hoodie, ingwanti, qalziet tat-tracksuit, żarbuna waħda u bi sparatura f’dahru
- Instab tap ta’ jerrycan fil-karozza
- Il-ġirien ma semgħux it-tiri tal-arma tan-nar
- Il-karozza u n-number plates kienu misruqa
- Instab ħġieġ imkisser fi triq li tinsab fil-viċinanzi, Triq l-Għabex
- Il-Pulizija sabu borża magħluqa li kellha riħa ta’ petrol
- Fil-garaxx tal-vittma nstabet borża simili ta’ dik li nstabet quddiem ir-residenza ta’ Magri.