Deniro Magri, iż-żagħżugħ akkużat bil-qtil ta’ Sylvester Farrugia beża’ li kienu se jpoġġulu bomba wara l-bieb tad-dar.
Hekk saħqet l-avukat li qed tidher f’isem l-akkużat.
Żiedet tgħid li Magri spara mhux biex joqtol iżda biex ibeżża’ lill-irġiel l-oħra li ppruvaw anke jagħtu n-nar lir-residenza li kien fiha l-akkużat.
L-avuakat ta’ Magri saħqet dan fi tmiem il-kumpilazzjoni t’evidenza kontrih, fejn aktar kmieni Magri ammetta li spara fuq żewġ t’irġiel.
L-arma iżda baqgħet ma nstabitx.
Qalet ukoll li għalkemm fetaħ in-nar, m’hemm l-ebda evidenza li l-vittma miet bil-balal sparati mill-arma tiegħu.
L-ispettur Keith Arnaud, li qed jidher f’isem il-prosekuzzjoni qal li l-akkużat qatt m’informa lill-Pulzija li jinsab mhedded. Minflok fittex l-għajnuna tal-Pulizija bagħat lit-tfajla u t-tifel tiegħu barra mid dar u rema’ l-arma li uża fid-delitt.
Il-Maġistrat Aaron Bugeja ma laqax it-talba biex l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest.