Spanjol arrestat wara li aggredixxa xi persuni fi stabbiliment f’San Ġiljan.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-għaxra u nofs tal-bieraħ filgħaxija fi stabbiliment fi Triq il-Wilġa kantuniera ma’ Triq id-Dragunara.
Il-Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit, l-RIU, marru minnufih fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet li saru, irriżulta li l-aggressur daħal fl-istabbiliment, qabad sikkina u flixkun tal-ħġieġ li kienu fuq mejda u beda jaggredixi lin-nies li kien hemm ġewwa.
Il-Pulizija kellha tuża t-taser sabiex trażżan lir-raġel, hekk kif ma bedix jobdi l-ordnijiet tagħhom. Wara l-arrest, huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-osservazzjoni.
Minn iżjed investigazzjonijiet illi saru, irriżulta li qabel ma daħal f’dan l-istabbiliment, l-aggressur għamel xi ħsara fuq karozza tal-għamla Ford Focus li kienet qed tinstaq minn Pakistan ta’ 28 sena. Ix-xufier ma weġġax.
Fuq il-post issejjaħ ukoll tim mediku sabiex jassisti tliet persuni, li wara ttieħdu l-Isptar mater Dei għal aktar kura.
Raġel mill-Iżvizzera weġġa’ gravi, filwaqt li żewġt irġiel Taljani ġarbu ġrieħi ħfif wara li lkoll qalgħu daqqiet ta’ sikkina u bil-flixku mill-aggressur.
Il-Maġistrat Leonard Caruana ordna inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan għadhom għaddejjin.