Spanja qed tippjana li tinponi taxxa sa’ 100% fuq propjetà mixtrija minn residenti li ġejjin minn barra mill-Unjoni Ewropea bħar-Renju Unit.
Il-Prim Ministru Pedro Sánchez qal li din il-miżura bla preċedent kienet neċessarja sabiex jissalvagwardja s-sitwazzjoni tal-housing li qed jiffaċċja l-pajjiż. Huwa tenna li ma jridx li s-soċjetà tkun diviża f’żewġ klassijiet, dik tal-propjetarji sinjuri u l-inkwilin fqir.
Waqt forum ekonomiku f’Madrid Sánchez qal, li persuni minn barra l-Unjoni Ewropea fl-2023 xraw 27,000 propjetà fi Spanja mhux biex jgħixu fihom iżda sabiex jaqalgħu l-flus ħaġa li, skont hu, ma tistax titħalla tiġri hekk kif hemm nuqqas ta’ djar abitabbli. Għahekk din il-mossa hija intenzjonata sabiex id-djar li hemm disponibbli jmorru għand ir-residenti.
Il-Prim Ministru Spanjol ma tax dettalji dwar kif se tkun implimentata din it-taxxa jew meta kien se jippreżenta l-abbozz għall-approvazzjoni fil-parlament fejn ħafna drabi sab problemi li jiġbor biżżejjed voti biex jgħaddi leġislazzjoni, iżda l-gvern qal li l-proposta se tkun iffinalizzata wara studju intensiv.
Din hija biss waħda minn għexieren ta’ miżuri ppjanati u li kienu mħabbra mill-Prim Ministru Sánchez it-Tnejn, sabiex jindirizza s-sitwazzjoni tar-residenza affordabbli fil-pajjiż.
Miżuri oħra jinkludu eżenzjoni mit-taxxa għal dawk li jipprovdu djar affordabbli, it-trasferiment ta’ aktar minn 3000 propjetà lill-entità pubblika ġdida tal-housing, kif ukoll aktar kontroll u taxxi ogħla fuq appartamenti turistiċi.