Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, Spanja ħadet f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għas-sitt xhur li ġejjin.
Fost il-prijoritajiet li se jkollu dan il-pajjiż Mediterranju fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea hemm li tissaħħaħ l-għaqda fl-Ewropa. Dan meta l-kontinent Ewropew għaddej minn sfidi kbar, fosthom bil-Gwerra fl-Ukrajna.
Dan fosthom bit-tisħiħ tas-suq uniku u anke tal-pjan ta’ rkupru u reżiljenza li ġej minn fondi Ewropej, pjan aktar effettiv għall-migrazzjoni u aktar għajnuna lill-Ukrajna.
Il-Presidenza Spanjola se taħdem fuq modernizzar tal-industrija fl-Unjoni Ewropea biex tkompli tikber l-ekonomija, waqt li se taħdem favur it-tranżizzjoni ekoloġika u favur l-ambjent.
Fl-ewwel jum tal-Presidenza Spanjola, il-Prim Ministru Pedro Sanchez żar l-Ukrajna fejn kellu laqgħa mal-President Ukren, Volodymr Zelensky.
Dan filwaqt li fl-ewwel tlett jiem ta’ dan ix-xahar, Sanchez kellu laqgħa mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u mal-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel.
Bi tħejjija għal din il-Presidenza, il-Prim Ministru Spanjol kien ukoll żar Malta u ltaqa’ mal-Prim Ministru Robert Abela.