Il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà għandha dekan ġdid; Andrew Azzopardi. Dwar is-soċjetà jitkellem u jirrifletti kontinwament, fi programmi, f’pubblikazzjonijiet u f’diskussjonijiet f’postijiet differenti. Fost it-temi li għandhu għal qalbu hemm iż-żgħażagħ u l-inklussività tagħhom fis-soċjetà. Proprju wieħed mill-korsijiet fil-fakultà li tagħhha issa huwa dekan iħejji persuni jaħdmu maż-żgħażagħ, il-kors tal-Youth Workers.
Intervistajnih dwar is-suġġett.
X’inhi r-rilevanza tal-youth workers illum-il ġurnata?
Il-professjoni tal-youth work hija professjoni relattivament ġdida f’pajjiżna. Milux wisq li ngħatat status ta’ professjoni u giet akkreditata bil-warrant. Madankollu din il-professjoni qed ssir ferm aktar popolari u rikjesta u issa qed jibda jkollna l-isfida li hemm ħafna aktar domanda milli supply ta’ Youth Workers. Infatti bħalissa bejn BA u MA għandna madawar 100 student li qed jitħarrġu imma nittamaw li matul is-snin li ġejjin dawn in-numri jkomplu jikbru biex ilaħqu mat-talba. Tant hu hekk li issa apparti l-kors ta’ filgħaxija part-time, BA (Hons) Youth and Community Studies u l-MA Youth and Community Studies minn din is-sena akkademika li ġejja ħa nkunu qed noffru ukoll l-BA (Hons.) Youth and Community Studies Day Course u l-MA bir-ricerka fil-Youth Justice, biex inkomplu inwessgħu aktar ir-reach tagħna.
X’ħidma qed issir sabiex l-aġenzija żgħażagħ u l-Università ta’ Malta jintegraw il-ħidma tagħhom?
Għall-ewwel darba, dalwaqt ħa jiġi ffirmat Memorandum of Understanding bejn id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u l-Komunita’ fi ħdan l-Università u l-Aġenzija Żgħażagħ, biex tissaħħah il-kollaborazzjoni fuq livell ta’ taħriġ tal-istudenti, opportuntajiet ta’ ħidma barra minn Malta, żvilupp ta’ policy u riċerka.
Għalkemm ir-relazzjoni tagħna mal-Aġenzija Żgħażagħ immexxija minn Miriam Teuma hija brillant, dan il-MoU ser jikkonsolida din ir-relazzjoni u jagħti messaġġ importanti ta’ sħubija bejn min qed iħarreġ il-Youth Workers u min qed jimpjeghom u jagħti s-servizzi fil-qasam. Irridu li t-taħriġ li qed jipprovdu lil Youth Workers ikunu kontinwament aġġornat u strutturat biex jilqa’ għat-tibdil li qed isir kontinwament.
X’inhuma l-issues l-aktar pertinenti fejn jidħlu żgħażagħ?
Iż-żgħażagħ jibqgħu fiċ-ċentru tal-attenzjoni u xi kultant tal-kontroversja ukoll. Madankollu ż-żogħożija li llum tinfirex mill-eta’ ta’ 12–il sena għall-eta’ ta’ 30 sena hija eta’ kumplessa imma interssanti. Jien inqis din l-eta’ bħala d-demm tas-socjetà tagħna, dik il-ġenerazzjoni li tghħddi l-ossignu. Huwa meħtieg li nisimgħu x’ qed jgħidulna imma anke nieħdu azzjoni fuq dak li qed jgħidulna.
Irridu nghidu ukoll li t-teknoloġija, il-globalizazzjoni, is-sitwazzjoni politika internazzjonali, il-ġid li jinħoloq għamlu din l-eta’ kumplessa immens u xi kultant diffiċli biex ninterpretaw l-lingwa tagħhom. Għalhekk, li jkollna Youth Workers professjonali saret tant importanti u neċessarja llum-il ġurnata, biex jgħinuna noħolqu pontijiet maż-żgħażagħ.
Kif tixtieq tarah jiżviluppa dan is-servizz?
Jien nittama li ma ndumux ma naraw il-Youth Workers joperaw f’numri akbar fi klabbs, fil-Faċilità Korrettiva (specjalment fis-sezzjoni taż-żgħażagħ), jaħdmu aktar qrib mal-pulizija, fil-qasam edukattiv, fl-aġenzija soċjali bħal Sedqa, SAPPORT u APPOGG, fl-NGOs u anke nsibuhom aktar preżenti fis-settur tad-divertiment u tal-mistrieħ. Il-Youth Worker qiegħed hemm mhux biss biex jakkumpanja liż-żgħażagħ meta s-sitwazzjoni tal-ħajja tibgħat ċerta diffikultajiet, imma anke biex takkumpanja liż-żgħażagħ fit-tiftix għax-xogħol, fl-iżvilupp tal-karriera u fl-iżvilupp tal-personalità.
https://www.youtube.com/watch?v=4iFrAbZfTgc