L-aġenżija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu Standard & Poor’s tejbet il-ħarsa dwar Malta minn stabbli għal pożittiv. Dan fl-istess ħin li żammet lil Malta f’livell A b’rating ta’ A-.
Fir-rapport tagħha dwar Malta Standard and Poor’s qalet li qed tistenni li l-ekonomija tkompli tikber u li saħansitra tista’ ttejjeb ir-rating fix-xhur li ġejjin.
Dan fl-isfond li lbieraħ il-Gvern rreġistra surplus finanzjarju ieħor fl-ewwel tmien xhur tas-sena.
Dan huwa t-tielet ċertifikat ta’ aġenzija ta’ kreditu internazzjonali f’din is-sena li jikkonfermaw it-tkabbir ekonomiku li pajjiżna għaddej minnu u li se tkompli titjieb.
Kif spjega l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna f’konferenza tal-aħbarijiet li ellenkat il-ħidma fil-qasam finanzjarju fl-ewwel mitt jum tal-leġislatura.
Fir-rapport tagħha “Standard and Poor’s” tgħid lill-ekonomija Maltija se tkompli fiċ-ċiklu ta’ tkabbir li mistenni jkun ta’ madwar erba fil-mija bejn din is-sena u s-sena elfejn u għoxrin, u li ser iwassal sabiex jibqgħu jiġgħu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi.
Standard and Poors tinnota wkoll li t-tkabbir ekonomiku wasal ukoll mill-fatt li l-Gvern irnexxielu joħloq servizzi ġodda fi-turiżmu, il-loġistika u l-‘E-Gaming’.
Dan filwaqt li hija żiedet tgħid li l-investiment qawwi fl-enerġija u l-loġistika fl-aħħar sentejn wassal għat-tkabbir ekonomiku.
Iżda waħda mill-aktar affarijiet li tinnota ‘Standard and Poor’s’ hija t-tnaqqis fid-dejn tal-pajjiż, li kien akkumula fl-aħħar snin, il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u t-tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija.
Standard and Poor’s itemm tgħid li pajjiżna huwa f’pożizzjoni tajba li jilqa’ għall-effetti ta’ Brexit, dan minħabba l-bażi diversifikata ta’ esportazzjoni u l-ekonomija flessibli tiegħu.