Bażi ekonomika soda u tifdil b’saħħtu tal-familji Maltin u Għawdxin huma r-raġunijiet prinċipali li l-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali S&P Global Ratings ibbażat fuqhom biex tejbet il-klassifikazzjoni tal-Bank of Valletta fl-aħħar reviżjoni tagħha tal-qagħda bankarja lokali.
Fil-fatt il-BOV issa ngħata rating ta’ stabbli minn wieħed negattiv, waqt li ġiet kkonfermata l-klassifikazzjoni tiegħu ta’ BBB-/A3-.
“Fl-opinjoni tagħna, bażi ekonomika soda f’Malta qed ittaffi r-riskji ta’ korrezzjoni qawwija fil-prezzijiet tal-proprjetà għall-banek lokali. Nantiċipaw li l-ekonomija lokali se tkompli tikber fix-xhur li ġejjin u li t-tnaqqis tagħha fl-2023 se jkun inqas minn pajjiżi oħrajn, waqt li se tkun aktar b’saħħitha fl-2024,” qalu l-esperti tal-aġenzija ta’ kreditu.
Huma komplew li, bil-maqlub għal pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea, qed jantiċipaw li l-ekonomija Maltija tibqa’ tikber b’saħħitha sal-2025, waqt li bir-reżiljenza tagħha tegħleb kull sfida esterna.
“Nistennew tkabbir reali ta’ aktar minn 3% kemm fl-2023 kif ukoll fl-2024, kontra l-medja ta’ taħt il-1% fiż-Żona Ewro, partikolarment minħabba r-reżiljenza fit-turiżmu u l-industrija tal-gaming,” qalet S&P Global Ratings fil-pubblikazzjoni tagħha dwar pajjiżna t-Tnejn filgħaxija.
It-tifdil b’saħħtu tal-familji, li ġie protett mill-Gvern fi żminijiet ta’ kriżi, grazzi għall-miżuri u inċentivi, fosthom is-sussidji tal-enerġija, għadu jtaffi b’mod sinifikanti l-impatt tal-inflazzjoni u kundizzjonijiet aktar stretti fuq id-dħul reali tal-poplu.
Skont l-aġenzija ta’ kreditu, anke l-fondi Ewropej, fl-akbar pakkett li rnexxielu jinnegozja l-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, se jikkontribwixxu għal tkabbir medju ta’ bejn 0.3% u 0.8% fis-snin li ġejjin.
S&P Global Ratings qalet li l-inċentivi offruti mill-Gvern, il-preferenzi taċ-ċittadini Maltin li jkunu sidien ta’ djarhom u l-interess minn residenti ta’ pajjiżi oħrajn isostnu tajjeb il-prezzijiet fis-suq l-proprjetà. Iżjed minn hekk, l-aġenzija internazzjonali tenniet li l-Gvern daħħal fis-seħħ miżuri biex jitnaqqas ir-riskju ta’ żbilanċi bi ħtiġijiet aktar rigorużi għal self.
F’dan il-kuntest, il-BOV mistenni jkompli jżomm livelli reżiljenti ta’ assi fis-snin li ġejjin u politika prudenti tad-dividends, qalet S&P Global Ratings, waqt li sostniet li l-akbar bank lokali se jgawdi minn aktar tnaqqis fir-riskji fis-settur grazzi għall-progress tal-awtoritajiet Maltin fl-effettività ta’ tisħiħ tal-inforzar u s-superviżjoni.
“Fl-opinjoni tagħna, dan għen lill-BOV biex jidħol fi ftehim ġdid ma’ korrispondent bankarju Amerikan ma’ bank internazzjonali,” komplew l-esperti internazzjonali.