“Southern Dreams” ta’ Paul Cassar hija wirja ta’ pitturi li tirrifletti l-mod li bih l-artist iħares lejn in-nofsinhar ta’ Malta, b’mod partikolari l-Kalkara. Hija taħlita ta’ kuluri vivaċi: sinfonija ta’ isfar, aħjar, vjola, oranġjo, u ħafna sfumaturi ta’ blu.
L-eżebizzjoni tal-artist Paul Cassar teħodna dawra madwar diversi pajsaġġi, imma turi wkoll numru ta’ self-portaits li kkompona tul is-snin. Dawn huma riflessjoni tal-bidliet li għadda minnhom mal-medda taż-żmien, u jikkomunikaw livell sofistikat ta’ riflessjoni. Bħall-kumplament tax-xogħol tiegħu, is-self portraits huma mimlija kuluri intensi – kważi kważi tista’ ssjeħilhom spettaklu.
Is-sens ta’ riflessjoni ġejja mill-fatt li Cassar huwa wkoll poeta, li spiss jikkontempla l-proċess artistiku, b’mod partikolari dak l-element li jagħmel l-arti possibbli.
Hemm diversi temi li Cassar jidħol fihom. Per eżempju, xogħolijiet bħal ‘Until the End of Time’ (2022) huma taħlita ta’ kuluri li jġiegħlu lil dak i jkun jieqaf u jirrifletti dwar l-aspett kożmiku tal-ħajja tagħna.
Huwa ferm f’loku li l-eżebizzjoni qed issir bil-Kalkara, fejn qatta’ ħafna ħin jistudja Cassar. Infatti, biex tara x-xogħolijiet tiegħu, tsita’ żżur il-post fejn tgħallem huwa stess bejn is-snin 1977 u 1979, li llum saret l-Esplora. L-eżebizzjoni hija miftuħa bejn il-11 ta’ Marzu u d-9 ta’ April.