Il-Ministeru għal Għawdex issottometta l-applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex issir Rural Airfield f’Għawdex.
Dan wara li fl-aħħar xhur sar proċess ta’ konsultazzjoni dwar din il-proposta, li hija wkoll wegħda elettorali.
Matul dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, daħlu mas-sebgħin proposta jew rakkomandazzjoni biex isir titjib fuq il-proġett hekk kif propost.
Il-proġett se jsir fuq medda ta’ sitta u sebgħin elf metru kwadru ta’ art li diġà hija kommessa biex fuqha jsir żvilupp simili u llum il-ġurnata tinsab fi stat t’abbandun u lok ta’ abbuż.
L-ebda bini addizzjonali mhu se jsir u dak eżistenti se jiġi restawrat u riġenerat. Ir-runway eżistenti se titwal b’mitejn u wieħed u sebgħin metru biex tlaħħaq tul ta’ erba’ mija u ħamsa u erbgħin metru.
Fi stqarrija, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri qal li b’dan il-proġett, se tkompli tissaħħaħ il-konnettività t’Għawdex b’rispett sħiħ lejn l-ambjent tal-madwar.