Bħala pajjiż huwa importanti li nibqgħu niġġeddu u naħdmu fuq ekonomija fit-tul.
Kien dan is-sentiment li kkaratterizza d-diskors tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul flimkien mal-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Carauna.
Dan waqt il-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD u li għaliha attenda l-Prim Ministru Robert Abela, fejn hemm ġie preżentat ir-Rapport Nazzjonali dwar il-Produttività tal-2022.
Fid-diskors tiegħu f’din il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul tenna li r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni huma kruċjali għall-produttività f’pajjiżna u kull wieħed u waħda minnha għandu x’jikkontribwixxi f’dawn l-oqsma.
Tenna li t-triq ’il quddiem għal dan il-qasam b’rabta ma’ dan ir-rapport.
Naraw li r-rakkomandazzjonjiet li hemm fih ma jibqgħux biss jiġu miktubin fuq il-karta imma jiġu implimentati. Għalhekk inħares ’il quddiem biex flimkien mal-imsieħba soċjali kollha li qegħdin preżenti hawnhekk naraw li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati ħalli s-saħħa ekonomika Maltija tibqa’ tikber biex mhux biss ingawdu aħna minnha iżda l-ġenerazzjoni futura.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana sostna li pajjiżna fiż-żmien li ġej għandu jkompli jbiddel il-mudell ekonomiku tiegħu.
Dan anke fid-dawl tar-riżoluzzjonijiet u riformi li qed isiru sabiex ikunu konformi mal-pjan tal-Kummissjoni Ewropea fosthom f’setturi bħal dik tal-enerġija.
Dan biex l-Unjoni Ewropea tibqa’ kompettiva mal-bqija tad-dinja. Għalhekk bħala pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea, il-Ministru Clyde Caruana sostna l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jinstabu s-soluzzjonijiet fit-tul.
“Nemmen bis-sħiħ li hemm opportunitajiet kbar hemm barra, il-pajjiżi u s-soċjetajiet li qed ikomplu jtejbu l-livell tal-għejxien tagħhom kulħadd jaf liema huma. Aħna nistgħu nkunu magħhom biss jekk ngħarfu x’inhuma l-isfidi tagħna u naċċettaw li jekk dawn biss jiġu ndirizzati nisgħu nkunu ma’ dawk li huma fuq ta’ quddiem.”