“Iktar ma taħseb li inti fil-għoli aktar is-siġġu tiegħek irid jitbaxxa.”
Kien b’dawn il-kliem meqjusin li l-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech iddeskriva s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela u l-Gvern Laburista.
Dan jum biss wara li l-Partit Laburista ngħata l-akbar mandat fl-istorja ta’ pajjiżna sabiex imexxi lil pajjiżna fil-ħames snin li ġejjin.
Waqt programm speċjali li xandar iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-Prim Ministru Robert Abela, l-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech sostna l-importanza tal-umiltà bħala prinċipju ewlieni fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż.
Grech tenna, “Iktar ma’ inti jkollok poter hemmhekk f’dik il-kamra aktar suppost li s-siġġu jkun baxx aktar ma taħseb li inti għoli, aktar li s-siġġu jrid jitbaxxa. Hemmhekk tibda tifhem propja u jrid ikollok sens ta’ ironija fuqek innifsek.”
Fl-isfond tal-maġġoranza storika li ngħata l-Partit Laburista, Grech tenna l-importanza tal-attenzjoni għan-nies u ż-żamma tas-saqajn mal-art sabiex jiġu evitati elementi ta’ arroganza.
Dan l-istess sentiment esprimieh l-Prim Ministru Robert Abela fl-indirizz tiegħu miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista wara t-tħabbira tar-rebħa tal-Partit Laburista l-Ħadd filgħodu.
Qal, “Se ninsisti fuqha din. L-umiltà u se nkun jien li mmexxi bl-eżempju. Se ninsisti fuqha wkoll ma kull min se jkun qed jifforma parti minn din it-tmexxija. Aħna qegħdin hemmhekk għalikom u mhux inthom għalina.”