“Il-budgets Ewropej għall-qasam tas-saħħa għandhom jibqgħu protetti minkejja l-isfidi ekonomiċi li ġabet magħha l-Gwerra fl-Ukrajna.”
Sostna dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li pparteċipa fil-Kunsill Informali tal-Ministri tas-Saħħa fi Praga, fir-Repubblika Ċeka.
Laqgħa li matulha kienu diskussi l-isfidi li qed jaffaċċjaw is-setturi tas-saħħa b’ konsegwenza tal-isfidi ekonomiċi li qed jaħkmu d-dinja.
Qal, “We have to also be very careful that the economic situation of the fall out of the war on the rest of Europe does not effect our healthcare system in Europe itself so we have to make sure that the European Healthcare Budgets are well protected even in these times of economic caution.”
Tul l-istess laqgħa, kienet diskussa l-assistenza li l-Unjoni Ewropea tista’ tagħti lill-Ukrajna sabiex terġa’ tinbena s-sistema tas-saħħa fil-pajjiż, filwaqt li ġie diskuss kif il-kura tal-pażjenti Ukreni li bħalissa qed tingħata mill-Istati Membri tista’ titkompla mingħajr interruzzjoni, ġaladarba dawn ir-refuġjati jirritornaw lura f’pajjiżhom.
Għal din il-parti tal-laqgħa attenda l-Ministru għas-Saħħa Ukren li wera l-apprezzament ta’ pajjiżu għas-solidarjetà tal-kollegi fil-qasam tas-saħħa u tal-appoġġ li wrew l-Istati Membri tul l-aggressjoni Russa.
Il-laqgħa ffukat ukoll fuq il-vaċċinazzjoni u kif dan huwa l-iżjed mod effettiv ta’ kif tipprevjeni l-mard, fejn id-Deputat Prim Ministru Fearne għal darb’oħra saħaq fuq il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tibqa’ tixtri r-riżorsi mediċi b’mod konġunt.
Qal, “We have to be extremely careful to make sure that we continue to procure our vaccines and other medicines jointly because this is something that is which has come out of Covid and which has been a success.”
Il-Ministri tas-Saħħa ddiskutew ukoll kif il-prevenzjoni tal-kanċer tista’ titjieb, u kif l-Istati Membri jistgħu jaħdmu aħjar flimkien fil-kura tal-pażjenti bil-kanċer.