Malta ħadet sehem fil-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York.
It-tema għal din is-sena kienet marbuta mal-innovazzjoni, it-teknoloġija u l-edukazzjoni sabiex tintlaħaq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Hawn, inġabru kelliema minn mija u tmenin pajjiż u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili minn madwar id-dinja.
F’isem pajjiżna, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg stqarret li kull pajjiż għandu d-dmir li jipproteġi n-nisa, u kkundannat kulturi li jwasslu għal vjolenza fuq in-nisa.
Hawn għamlet referenza għall-ewwel pjan t’azzjoni nazzjonali marbut man-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li għandu jwassal għall-implimentazzjoni ta’ riżoluzzjoni mill-istess Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg tkellmet ukoll dwar il-ħidma li qed issir f’pajjiżna stess sabiex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa, fosthom permezz ta’ abbozz ta’ liġi li jħarrex il-pieni meta l-qtil ikun meqjus bħala femiċidju.
Hija nnutat ukoll id-diversi miżuri li daħħal fis-seħħ gvern Laburista fl-aħħar deċenju, li llum il-ġurnata ssarfu f’aktar nisa fid-dinja tax-xogħol, u tenniet li din il-ħidma dejjem tpoġġi lil pajjiżna pass eqreb lejn soċjetà aktar ugwali.
Qalet, “Hawnhekk bħala pajjiż qed intennu l-impenn tagħna sabiex inkomplu nassiguraw li n-nisa jersqu aktar ’il quddiem fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija, u ser inkomplu ntennu l-impenn tagħna bħala Gvern sabiex nilħqu soċjetá ferm aktar ugwali.”