Minn mindu bdiet il-gwerra f’Gaza, sena u nofs ilu, Papa Franġisku għamilha punt li kuljum fit-8:00 ta’ filgħaxija, kien iċempel lill-Knisja tas-Sagra Familja fil-belt ta’ Gaza u jkellem lil Father Gabriel Romanelli, il-Kappillan tal-unika knisja kattolika fit-territorju.
Ġeneralment din it-telefonata kienet iddum xi kwarta u matulha kien jitkellem kemm mal-amministraturi tal-parroċċa kif ukoll man-nies Palestinjani li kienu jkunu qed jistkennu hemmhekk.
Għan-nies tal-Palestina din it-telefonata kwotidjana kienet tfisser li mhumiex minsijin. Minkejja li l-popolazzjoni kattolika f’Gaza tammonta għal madwar 1,400 ruħ biss u għalhekk kongregazzjoni ta’ minoranza, kien jagħtihom importanza u minkejja li qatt ma żar Gaza kien jinkwieta ħafna għall-poplu Palestinjan.
Anke meta Papa Franġisku kien rikoverat f’qagħda kritika fl-isptar Gemelli, kien iżomm l-appuntament ta’ din it-telefonata, bl-aħħar darba li semgħu leħnu kien propju nhar Sibt il-Għid. Għalkemm kien jinstema’ ħażin ħafna huwa kellu konverżazzjoni qasira ta’ anqas minn minuta.
Sa mill-bidu tal-gwerra, Papa Franġisku dejjem saħaq sabiex tintemm il-konfrontazzjoni u kien voċiferu ħafna fil-kritika tiegħu lejn l-assedju ta’ Iżrael fuq it-territorju. Saħansitra anke fil-messaġġ tiegħu tal-Għid fil-jum ta’ qabel miet meta talab sabiex “id-dawl tal-paċi jiddi fl-Art Imqaddsa u fid-dinja kollha”. Huwa kompla billi qal li kien kontinwament jaħseb fuq il-poplu ta’ Gaza u l-komunità Kristjana b’mod partikolari, fejn il-kunflitt terribbli qed jibqa’ jikkawża mewt u distruzzjoni u joħolqu sitwazzjoni umanitarja drammatika u deplorabbli. Huwa appella għall-waqfien mill-ġlied, li jintelqu l-ostaġġi u tingħata l-għajnuna lill-poplu li qed imut bil-ġuħ sabiex ikun hemm futur ta’ paċi.
Il-Knisja tas-Sagra Familja f’Gaza saret lok ta’ kenn għall-Palestinjani Kattoliċi fejn kawża tal-bumbardamenti ikollhom iħallu djarhom u jsibu post sigur. Filfatt il-bitħa hija mimlija kampijiet li fihom qed joqgħodu dawn il-familji. Magħhom hemm ukoll xi tfal Musulmani flimkien mal-familji tagħhom hekk kif Papa Franġisku ma kienx jistaqsi dwar il-komunità Kattolika biss iżda anke għall-Musulmani.