Il-Gvern ħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet tal-Fond tal-Ħarsien tal-Annimali għal din is-sena.
L-għan ta’ dan il-fond huwa li jgħin għaqdiet volontarji li jaħdmu favur il-ħarsien tal-annimali.
Dan il-fond tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministri Anton Refalo u Julia Farrugia Portelli.
Il-Ministru għall-ħarsien tal-annimali Anton Refalo qal kif dan il-fond huwa ta’ ħamsa u tmenin elf ewro (€85,000), li fost l-oħrajn se jkopri spejjeż li huma importanti biex jitħarsu l-annimali abbandunati u midruba, fost oħrajn.
Qal, “Din l-iskema tvarja sewwa fl-infieq biex nirranġaw stabbilimenti, kif ukoll naturalment pereżempju għall-ikel tal-qtates u tal-istrays.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru politikament responsabbli mill-għaqdiet volontarji Julia Farrugia Portelli qalet kif il-Gvern se jkompli jkun ta’ spalla għal dawn l-għaqdiet u qalet kif dan il-fond huwa ta’ inċentiv għax-xogħol siewi li jagħmlu.
Qalet, “Din hija wegħda elettorali, li għal darba oħra qed titwettaq u qed naraw li l-Gvern ikompli jżomm mal-commitment tiegħu biex ikun ta’ għajnuna, mhux biss għal NGOs, illi jaħdmu mal-annimali, imma wkoll lil wellbeing tal-annimali nkomplu nagħtuh importanza mistħoqqa.”