Michael Borg ta’ 68 sena mill-Gżira nstab ħati ta’ theddid u diskors abbużiv u insulenti fil-konfront ta’ Jason Micallef permezz ta’ kummenti ta’ mibegħda li għadda fuq post tal-għaqda Repubblika fi Frar li għadda.
Dan hu biss l-ewwel minn sensiela ta’ każi li Micallef ressaq quddiem il-Pulizija fi Frar li għadda kontra diversi persuni sostenituri ta’ Repubblika u l-President onorarju tagħha Robert Aquilina, ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.
Il-każi jittrattaw kliem ta’ mibegħda u inċitazzjoni għall-vjolenza fil-konfront ta’ Micallef fuq il-paġni u l-profili ta’ din il-fergħa tal-establishment Nazzjonalista.
Sadanittant, fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Jean Paul Grech ikkundanna lil Michael Borg iħallas multa ta’ mija u ħamsin ewro, waqt li tah il-libertà bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien disa’ xhur.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, l-istess Micallef, li fil-Qorti kien assistit mill-Avukati Ishmael Psaila u Daniel Attard, tenna li każijiet oħrajn se jkunu qed jitressqu quddiem il-Qorti fil-jiem li ġejjin.